Sport Waterpolo

John Paris jingħaqad bħala kowċ ma’ Marsascala

L-eks plejer ta’ Exiles, Neptunes u Sliema John Paris se jkun il-kowċ ġdid ta’ Marsascala wara li laħaq ftehim maċ-Champions tal-Ewwel Diviżjoni. Huwa se jkun qed jieħu post Dorian Pisani li ngħaqad ma’ San Ġiljan.

John Paris, huwa wkoll eks plejer internazzjonali Malti fejn mingħajr dubju huwa wieħed mill-aqwa attakkanti ta’ kull żmien. Paris lgħab il-waterpolo bejn l-1976 u l-2011 u beda l-karriera tiegħu mal-Exiles, u wara ngħaqad ma’ Neptunes meta kellu biss 19-il sena fejn hemm rebaħ erba’ kampjonati u wara ma’ Sliema fejn hemm ukoll rebaħ erba’ kampjonati.

Wara s-suċċessi ma’ Neptunes u Sliema huwa rritorna lura ma’ Exiles fl-2006, u lgħab għall-perjodu qasir ukoll mal-Għawdxin tal-Otters fl-2012. Plejer ieħor veteran li ngħaqad ma’ Marsascala huwa Paul Privitera, li lgħab ukoll ma’ Sirens u Sliema, bil-karriera tiegħu tibda mat-tim minn Wied il-Għajn.