Lokali Parlament

“Kriminalità organizzata ħatfet il-pajjiż – il-Prim Ministru għandu jirriżenja”

Is-seduta sospiża sakemm jingħata ruling

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal fil-parlament li l-pajjiż hu maħkum minn konġura kriminali bil-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jieħu l-aħjar deċiżjonijiet u għalhekk il-Prim Ministru għandu jirriżenja.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu ta’ niket li f’din is-sitwazzjoni l-gvern jaħseb li għandu għalxiex jidħak meta m’hemm xejn tad-daħk fl-pajjiż. Hawn kroll tal-istituzzjonijiet; pajjiż fejn il-Prim Ministru wara snin jiddefendi l-indifensibbli u jiġġustifika dak li qatt ma jista’ jkun ġistifikat ħareġ jgħid li l-isituzzjonijiet iridu jitħallew jaħdmu.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru hu istituzzjoni vitali fil-pajjiż fejn il-persuna tal-Prim Ministru llum hi kompromessa u ma tistax tibqa’ taħdem u tiddeċiedi fl-aħjar interess nazzjonali. Hu invoka l-ordni permanenti 13 li jispeċifikaw li membru jista’ jitlob li jressaq l-aġġornament tal-Kamra biex il-parlament jiddibatti kwistjoni ta’ natura serja.

Adrian Delia qal li dan isir billi fl-aħħar siegħat kellna s-sospensjoni tad-Deputat Prim Ministru Chris Cardona, ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri u minħabba li din hi kiriżi istituzzjonali u kostituzzjonali bla preċedent. Adrian Delia kompla li għandna obbligu li l-poplu jkun jaf iżda l-gvern ma jridx jieqaf biex jisma’.

Hu żied li dan qed isir fl-isfond tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u dak kollu li hu konġurja kriminali fil-pajjiż. Il-parlament għandu jiddiskuti din is-sitwazzjoni. L-abbiltà tal-Prim Ministru biex jiggevrna issa ġiet kompromessa u mhux f’pożizzjoni li jieħu deċiżjonijiet għall-ġid tal-pajjiż; il-Prim Ministru għandu jirriżenja minnufih. Il-Whip Laburista Byron Camilleri qal li din mhix mozzjoni mressqa skont iregoli tal-Kamra għaliex hi mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wieġeb li hu żbalordit kif il-Whip tal-Gvern jirnexxielu f’dan il-mument għall-pajjiż ma jirrealizzax li mill-bieraħ għal-lum li fil-pajjiż irriżenja Keith Schembrri, ġie arrestat Keith Schembri fuq reati gravi, Chris Cardona issospenda lilu nnifsu u li Konrad Mizzi irriżenja.

Dan hu mument delikat li jispetta lill-parlament u mhux lill-gvern li tilef il-kredibbiltà u l-leġittimità li jiggverna, sostna Adran Delia, li appella lill-Ispeaker biex hu wkoll jassumi r-responsabbiltà u jifhem li fl-ebda demokrazija tal-punent ma jista’ jkollok kriminalità organizzata li taħtaf gvern u l-parlament ma jqumx biex jiddefendi lil pajjiżna.