Lokali

Riżenja “finta” minn Mizzi; in-nies jinżlu bl-eluf jipprotestaw fil-Belt

Tard illejla, il-Ministru Konrad Mizzi ikkonferma li mhux se jkun qed jirriżenja mill-Grupp Parlamentari Laburista. Fi kliem sempliċi, dan ifisser li s-suppost riżenja tal-Ministru Mizzi kienet biss “riżenja finta” għaliex se jibqa’ jżomm is-siġġu tiegħu fil-Parlament.

Fi tmiem laqgħa urġenti msejjħa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Konrad Mizzi qalilna li se jibqa’ fil-Parlament “għax eleġġewh in-nies”.

Il-laqgħa kienet qed issir fl-istess waqt li fil-Belt Valletta folla kbira inġabret fi protesta quddiem Kastilja. Din il-protesta kontra l-Gvern ta’ Muscat kienet organizzata minn Occupy Justice u l-għaqda Repubblika.

Fost il-folla spikkat il-preżenza taż-żgħażagħ li kellhom diversi kartelluni b’messaġġi ta’ kundanna lill-Prim Ministru.

Fost il-messaġġi fuq il-kartelluni bil-kliem “Gvern Korrot” u “Gvern Mafjuż” fost l-oħrajn.

Kartellun fuq il-palk armat kien juri lil Muscat b’idejh imċappsin bid-demm…b’referenza għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u ieħor jgħid li qatlu lil Daphne biex jgħattu l-korruzzjoni tagħhom.