Lokali

SEGWI: “Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jitlaq” – Adrian Delia

“B’dak li qed jiġri qed joħroġ aktar fiċ-ċar li l-PM Joseph Muscat għandu jitlaq”.

Hekk sostna l-Kap tal-PN u Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fid-dawl tal-aħħar żviluppi li ġraw f’pajjiżna fl-aħħar sigħat u kif ukoll ir-riżenja tal-Keith Shembri minn Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Adrian Delia tenna li l-pożizzjoni tal-PM qed iġġib ħsara irreperabbli, u l-pożizzjoni tiegħu mhux waħda tennibbli.

Il-Kap tal-PN saqsa għaliex Joseph Muscat mexxa b’kejl differenti ħafna ma’ Manuel Mallia meta mqabbel mal-issa eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.

Adrian Delia fil-messaġġ tiegħu ta ħarsa wkoll ta’ uħud mix-xeni li ġraw fl-aħħar snin, skandlu wara skandlu li tappan isem pajjiżna.

Huwa qal li l-Prim Ministru ilu sitt snin idawwar wiċċu u jagħlaq għajnejh quddiem il-fatti, li qed jitkellmu waħedhom. “Ma’ nistghux nibqgħu nitkellmu fuq allegazzjonijiet”:

  • Fis-27 ta’ Frar 2016, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tgħid li Keith Schembri għandu struttura finanzjarja sigrieta identika għal dak li fetaħ Konrad Mizzi.
  • Fit-2 ta’ Marzu 2016: Il-Prim Ministru fl-ewwel kummenti fuq il-każ jirrifjuta li jerfa’ r-responsabiltà politika u jgħatti għal Keith Schembri billi jgħid li dalwaqt joħorġu l-fatti kollha.
  • Fit-3 ta’ Marzu 2016: Il-Prim Minsitru jerġa’ jirrepeti li ma kellu l-ebda problema bl-istruttura finanzjarji ta’ Keith Schembri ghaliex dawn kellhom x’jaqsmu mal-assi personali tieghu.
  • Fl-24 ta’ Marzu 2016: Il-Kummissarju tal-Pulizija jgħid li m’hemm l-ebda raġuni biex jarresta lil Keith Schembri u Konrad Mizzi.
  • It-3 ta’ April 2016: Jiġi żvelat li Keith Schembri u Konrad Mizzi ppruvaw jiftħu kont bankarju f’Dubaj.
  • Is-6 ta’ April 2016: Il-Prim Ministru jgħid li t-tentattivi biex jinfetaħ kont kienu standard practice.
  • Fid-29 ta’ April 2016: Il-Prim Ministru jiddefendi d-deċiżjoni li jżomm lil Keith Schembri. Jgħid li dan kien strumentali għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. Jgħid li jħares ‘il quddiem għal aktar ħidma miegħu.
  • Fit-13 ta’ Mejju 2016: Il-Prim Minsitru jgħid li m’hemmx raġuni għalfejn Keith Schembri għandu jirriżenja. Jgħid li hu għandu fiduċja sħiħa f’Keith Schembri u jgħid li ma jemminx dak li qed jingħad fuq Keith Schembri.
  • Fis-17 ta’ Mejju 2016: Jiġi żvelat li Keith Schembri u Konrad Mizzi ppruvaw jiftħu kont fil-BSI Bank, bank li jirrikjedi depożitu inizjali ta’ miljun dollaru u depożiti annwali ta’ $800,000. Karl Cini ta’ Nexia BT jagħti l-Go-Ahead.
  • Is-7 ta’ Mejju 2017: Rapport tal-FIAU jgħid li hemm suspett raġjonevoli li Keith Schembri u Brian Tonna kienu nvoluti f’atti li jammontaw għal ħasil ta’ flus, minn flus li ġew minn bejgħ tal-passporti.
  • Il-21 ta’ Mejju 2017: Rapport tal-FIAU jgħid li kien hemm suspett raġjonevoli ta’ ħasil ta’ flus b’involviment ta’ Keith Schembri u Adrian Hillman.
  • Is-16 ta’ Ottubru 2017: Ġiet assasinata l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
  • It-23 ta’ Lulju 2018: Rapport tal-FIAU jgħid li l-kumpanija 17 Black irċeviet €1.3 miljun minn kumpaniji li huma nvoluti fil-proġett tal-power station il-ġdida. 17 Black hija target client tal-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.
  • Id-9 ta’ Novembru 2018: Jiġi żvelat li Yorgen Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black.

Il-Kap tal-PN qal li Joseph Muscat żamm lil Keith Schembri miegħu u ma ħax azzjoni qabel, meta dan seta’ jagħmlu b’mod liberu kieku verament ried.

Adrian Delia qal li Joseph Mucat qalilna li l-istituzzjoniijiet iridu jibqgħu jagħmlu xogħlhom, iżda nesa li l-Uffiċċju tal-PM huwa istituzzjoni minnu nnifsu, u għalhekk JM ma jistax jibqa’ jokkopa din il-kariga ta’ Prim Ministru.