Internazzjonali

Kundannati għat-terrur tal-2016 f’Bangladesh

Seba’ imputati Iżlamiċi ngħataw is-sentenza tal-mewt b’konnessjoni mal-attakk tal-2016 fuq kafeterija fil-belt ta’ Dhaka li fih kienu tilfu ħajjithom 22 persuna – fil-parti kbira barranin.

L-attakk fuq il-Holey Artisan café fil-kapitali kien twettaq minn ħames irġiel li żammew ostaġġ lil diversi nies li kienu qegħdin jieklu fl-istabbiliment. Intant, tmien persuni għaddew minn process tal-ġustizzja fejn kienu akkużati bl-ippjanar tal-attakk u b’li pprovdew l-armi lill-aggressuri. Waqt il-proċess, inħafru l-akkużi fil-konfront ta’ wieħed mill-imputati.

L-assedju ta’ 12-il siegħa fuq il-kafeterija kien l-aktar attakk qattiel li qatt twettaq mill-militanti Iżlamiċi fil-Bangladesh. Il-parti kbira tal-vittmi tal-attakk kienu ċittadini Taljani jew Ġappuniżi.

Il-grupp terroristiku ISIS kien assuma responsabbiltà għall-attakk iżda din l-istqarrija ġiet ikkuntestata mill-awtoritajiet f’Bangladesh li kienu aktar disposti biex jemmnu li l-attakk sar fuq l-inizjattiva ta’ grupp ta’ militant lokali.

Il-ħames aggressuri li mexxew l-attakk fuq il-kafeterija kienu nqatlu kollha mill-pulizija.

Intant, mindu seħħ l-attakk tal-2016, l-awtoritajiet ta’ Bangladesh mexxew offensiva brutali fuq il-militanti li huma meqjusa bħala theddida kbira għall-istabbilità tal-pajjiż.