Internazzjonali

Albanija: It-theżżiż tal-art ikompli fost tfittxija ddisprata għall-persuni neqsin

L-iskwadri tas-salvataġġ Albaniżi komplew bit-tfittxija ddisprata għall-persuni li ntradmu taħt it-tifrik tal-bini li rriżulta mit-terremot devastanti tat-Tlieta li ħalla 26 mejtin u ‘il fuq minn 700 midruba. Dan meta l-Gvern tal-Albanija ddikjara din il-ġurnata bħala waħda ta’ Luttu nazzjonali.

Il-parti kbira tal-imwiet seħħew fil-belt tal-kosta ta’ Durres u l-belt ta’ Thumane, li huma qrib tal-epiċentru tat-terremot li kien irreġistrat lejn il-majjistral tal-kapitali, Tirana. Kien ikkonfermat ukoll li fl-agħar ħinijiet tat-theżżiża l-kbira kien hemm ħafna nies reqdin id-dar waqt li l-partijiet tal-bini kienu qed iċedu għal fuqhom.

L-aħħar sigħat, fl-Albanija, kienu ddominati mill-isforzi intensivi tal-iskwadri għall-emerġenza biex jindikaw il-ħajjin taħt il-munzelli tat-tifrik, b’mijiet ta’ nies jispiċċaw kostretti li jqattgħu l-lejl tat-Tlieta reqdin fit-tined u l-karozzi. Dan waqt li fil-pajjiż komplew għaddejjin it-theżżiż tal-art sekondarju – uħud b’qawwa partikulari.

Intant, waslu wkoll l-Albanija, skwadri ta’ nies speċjalizzati fit-tfittxija għal persuni neqsin f’dawn it-tipi ta’ ċirkustanzi minn diversi bnadi tal-Ewropa.

Mindu laqat it-terremot kbir ( li mmarka 6.4 fuq l-Iskala Richter), l-Albanija ħasset l-effett ta’ madwar 500 theżżiża sekondarja.

Fl-istess ħin, ‘il fuq minn 40 persuna  ttellgħu ħajjin minn taħt il-fdalijiet tal-bini, bil-Prim Ministru Albaniż, Edi Rama, iwiegħed li ‘it-tfittxija għan-neqsin għandha tkompli bil-paċenzja kollha sakemm ikunu eżawriti kull tamiet li jinstabu aktar ħajjin.’

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li kienet bagħtet numru ta’rescue teams mill-Italja, il-Greċja u r-Rumanija biex jgħinu fl-isforzi tas-salvataġġ. Dan meta fl-aħħar sigħat ingħaqdu magħhom l-iskwadri għall-emerġenza mill-Kosovo u Montenegro.

It-terremot tat-Tlieta kienet ikkonfermat bħala l-agħar li laqtet lill-Albanija f’talanqas 30 sena, bl-aħħar rapporti dwar il-vittmi jirreferu għal raġel minn Thumane li miet l-isptar mill-ġrieħi li ġarrab u s-sejba ta’ ‘żewġ katavri oħra’ qalb it-terrapien.

Sadanittant, mara ta’ 30 sena mietet sigħat biss wara li kienet ittellgħet ħajja minn taħt ir-radam – bit-tifla tagħha tinstab mejta fl-istess zona fejn kien ċeda l-bini għall-fuqhom.

Fl-istess ħin, ir-rapporti rreferew għal żewġt aħwa li mietu b’kaġun tat-terremot fil-Kosovo, li taqsam fruntiera mal-Albanija. Il-Kosovo ukoll, qed josserva jum ta’ luttu.

Intant, fl-Albanija tħassru l-programmi kollha tal-festi li kellhom isiru għada, il-Ħamis, fl-okkażjoni ta’ Jum l-Indipendenza.