“L-Avvenimenti ta’ dawn l-aħħar ġranet huma ta’ inkwiet kbir. Il-Komunita’ kummerċjali hi mħassba sew li dak li qed jiġri se joħloq instabilita’ kbira għall-qagħda ekonomika u kummerċjali. Aħna pajjiż ta’ nies bieżla u kburin bir-reputazzjoni li bnejna matul is-snin. Madanakollu, din ir-reputazzjoni hi fraġli ħafna u qed tiġi attakkata.”
Issostni dan il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, il-GRTU, li fi stqarrija qalet li l-prezz tal-korruzzjoni u l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni jitħallsu mill-pajjiż kollu kemm hu. Negozji leġittimi u persuni onesti li jirrappreżentaw il-maġġoranza assoluta u li jaħdmu qatiegħ biex jaqilgħu l-għixien tagħhom se jintlaqtu minn dak li qed jiġri.
Il-GRTU tkompli li diġa kienet wissiet iktar kmieni din is-sena li l-membri tagħha kienu qed iħossu l-pressjoni tal-effetti fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. L-Avvenimenti ta’ dawn il-ġranet se jkomplu jiggravaw is-sitwazzjoni.
L-istqarrija issejjaħ għal iktar responsabbilta’ politika u iktar dewmien se jwassal għal iktar ħsara.
//= $special ?>