Internazzjonali

Donald Trump meqjus bħala ‘l-akbar sfida għall-UE”

Trump: ‘L-akbar sfida għall-Ewropa’

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qal li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed jimponi waħda mill-akbar sfidi għall-Unjoni Ewropea għaliex hu ‘qiegħed jitlob’ għax-xoljiment ta’ din l-Unjoni.

Il-kummenti rreferew għall-fatt li Trump qed jappoġġja d-deċiżjoni tar-Renju Unit biex iħalli l-UE, bil-President Amerikan jirreferi għall-Ewropa bħala ‘avversarju f’sens kummerċjali’, Dan meta Trump anki qed jikkuntesta ‘il-valur’ tal-Alleanza tan-NATO.

Donald Tusk, waqt intervista lill-gazzetta Ġermaniża Die Zeit, qal li ‘għall-ewwel darba fl-istorja hemm President Amerikan li qed jeħodha biċ-ċar kontra Ewropa magħquda…President Amerikan li jappoġġja l-Brexit u li qed jittama kemm jiflaħ biex l-Unjoni Ewropea ma teżistix aktar bħala entità’.

Intant, Tusk irrefera għal Trump bħala mexxej li hu determinat biex idgħajjef l-UE u qal li l-atteġġjament tal-President Amerikan, forsi, ‘hu l-akbar sfida għall-Istati Ewropej’.

Tusk, li hu eks Prim Ministru tal-Polonja, qed iħejji biex jikkonkludi l-mandat ta’ ħames snin bħala l-President tal-Kunsill Ewropew.

Mistenni li s-suċċessur ta’ Tusk f’dan ir-rwol ikun l-eks Prim Ministru tal-Belġju, Charles Michel.