Futbol Sport

Draw f’Anfield bejn Liverpool u Napoli fil-UEFA Champions League

Għalkemm kollox hu kważi deċiż fi Gruppi A, B, C, u D, mhux l-istess jista’ jingħad fil-gruppi l-oħra li l-logħbeit tagħhom saru lbieraħ.

Id-draw bejn Liverpool u Napoli ħalla kollox ferm inċert f’dan il-grupp, l-istess bħall-Gruppi G u H.

Barcelona bir-rebħa fuq Borussia Dortmund kisbu l-kwalifikazzjoni bil-post l-ieħor ikun deċiż fl-aħħar logħba fejn Inter iridu rebħa fuq Barcelona biex jikkwalifikaw.

GRUPP E – Ir-r-iżultat ta’ draw f’Anfield iħalli lil Napoli u Liverpool biċ-ċans li jikkwalifikaw, iżda r-rebħa kbira ta’ Salzburg fil-Belġju kontra Genk, toħloq pressjoni l-iktar fuq iċ-champions ewropej, li jekk jitilfu l-aħħar logħba kontra Salzburg jistgħu ikunu eliminati, u din bla dubju tkun sorpriża kbira.

Napoli minn naħa tagħhom ikun biżżejjed għalihom draw f’San Paolo fl-aħħar logħba kontra Genk biex jagħmluha mal-aħħar sittax.

Napoli li ma tantx sejrin tajjeb fil-kampjonat marru minn fuq b’gowl ta’ Mertens fil-21 minuta, bir-reds ikollhom jistennew sal-65 minuta biex kisbu d-draw b’daqqa ta’ ras ta’ Lovren, riżultat li jista’ ma jkunx biżżejjed għat-tim ta’ Klopp.

Intant Salzburg kellhom wirja kbira kontra Genk u issa jilagħbu kollox fl-aħħar logħba kontra Liverpool.

Daka u Minamino taw vantaġġ doppju lil Salzburg fl-ewwel taqsima li komplew jiddominaw fit-tieni parti biex rebħu 4-1.

GRUPP F – Barcelona kisbu r-rebħa li riedu kontra Borussia Dortmund meta fil-Camp Nou rebħu 3-1.

Suarez u Messi taw vantaġġ doppju lil Barcelona fl-ewwel taqsima u l-Franċiż Griezmann għalaq il-logħba bit-tielet gowl fit-tieni taqsima.

Lejn it-tmiem gowl ta’ konsolazzjoni għal Borussia Dortmund permezz ta’ Sancho.

Issa Dortmund jittamaw li jegħlbu lil Slavia Praga fl-aħħar logħba, u fuq kollox jittamaw li Inter ma jirbħux kontra Barcelona.

Inter kellhom prstazzjoni tajba u kisbu rebħa prezzjuża meta fi Praga għelbu lil Slavia.

Lautaro Martinez poġġa lit-tim ta’ Conte fil-vantaġġ fl-ewwel taqsima, iżda minn ċans tat-tieni gowl, fejn dan kien imħassar minħabba l-VAR, wasal id-draw ta’ Slavia minn penalty.

Inter kellhom jistennew sal-aħħar ħinijiet biex aċċertaw mir-rebħa b’gowls ta’ Lautaro Martinez u Lukaka.

GRUPP G – F’dan il-grupp ukoll kollox hu possibli b’Leipzig, Zenit u Lyon jissieltu għall-kwalifikazzjoni.

Zenit għelbu lil Lyon 2-0 b’gowls ta’ Dzyuba u Ozdoev, filwaqt li fil-logħba l-oħra draw drammatiku ta’ 2-2 bejn Leipzig u Benfica, bil-Ġermaniżi jiskorjaw darbtejn fil-ħin miżjud biex salvaw il-logħba.

Pizzi u Vinicius taw vantaġġ doppju lil Benfica iżda doppjetta ta’ Forsberg fid-90 u 96 minuta, minn penalty salvaw lil Leipzig.

GRUPP H – Anki dan il-grupp hu mill-iktar inċert iżda Chelsea huma l-ikbar favoriti li jikkwalifikaw fejn iridu biss rebħa kontra Lille fi Stamford Bridge biex jagħmlu dan.

Ilbieraħ Ajax rebħu 2-0 għand Lille b’gowl f’kull taqsima ta’ Ziyech u Promes.

F’Valencia taqtiegħa u draw ta’ 2-2 bejn Valencia u Chelsea. Botta u risposta fl-40 minuta meta Soler poġġa lil Valencia minn fuq u minuta wara Kovacic kiseb id-draw.

Fit-tieni taqsima Blues fil-vantaġġ b’gowl ta’ Pulisic, Parejo jfalli penalty għal Valencia biex fit-82 minuta Wass kiseb id-draw.