Basketball Sport

Jitilgħu l-poloz tal-MAPFRE MSV Life Knock Out tan-nisa

Il-poloz tas-semifinali tal-kompetizzjoni Knock Out MAPFRE MSV Life tan-nisa telgħu ilbieraħ wara nofsinhar waqt konferenza stampa ġewwa ta Qali u laqqgħu r-rivali Hibernians u Starlites Gig kontra xulxin.

Fil-fatt, fl-ewwel semifinali, li se tintlagħab nhar il-Ħadd fil-11am, se jiffaċjaw lil xulxin ir-rebbieħa tan-KO sena ilu Hibernians kontra ċ-ċampjins renjanti Starlites GiG waqt li Luxol u ARMS Depiro jilagħbu s-semifinali l-oħra li se tintlagħab fis-2.30pm ukoll il-Ħadd li gej.

Michael Galea, Chief Business Development Officer tal-isponsors uffiċjali MAPFRE MSV Life qal li din hija l-ħames sena li l-kumpanija ewlienija lokali tal-assikurazzjoni kienet qed tisponsorja kemm il-kampjonat lokali femminili kif ukoll il-kompetizzjoni Knock-Out.

“Aħna bi pjaċir inħabbru li din is-sena timmarka wkoll l-ewwel waħda minn ftehim ġdid mifrux fuq tliet snin li MAPFRE MSV Life ffirmat mal-Malta Basketball Association u permezz tiegħu se nkunu qed inkomplu ngħinu u nassistu l-basketball femminili” qal is-sur Galea. “Permezz ta’ dan l-isponsor aħna qed inkomplu wkoll nieħdu rwol aktar attiv lejn għall-aktar żvilupp sportiv f’pajjiżna”.

Is-sur Galea qal li l-isport huwa wieħed mill-oqsma prinċipali li MAPFRE MSV Life tgħin b’mod attiv bħala parti mill-programm kommunitarju tal-kumpanija. Dan sabiex l-istess MAPFRE MSV Life, b’mod attiv, tgħin fis-soċjeta fejn topera.

Is-sur Galea faħħar lill-Malta Basketball Associaiton għall-inizjattivi li qed tieħu biex iżżid l-interess fil-logħba tal-basketball u għall-immodernizzar tal-faċilitajiet li qed iwasslu għal esperjenza aħjar kemm għal plejers kif ukoll dawk kollha li jsegwu dan l-isport popolari.

Il-president tal-Malta Basketball Assocaition Paul Sultana ndirizza wkoll il-konferenza stampa u rringrazzja lil MAPFRE MSV Life għas-sapport tagħhom lejn il-logħba femminili u kompla li fl-ewwel logħbiet tal-kampjonat diġa’ wieħed seta’ jara xi aspetti nteressanti għalkemm huwa mistenni li, speċjalment wara l-bidu tas-sena l-ġdida, jkun hemm xi żieda ta’ elementi f’ċertu skwadri u dan jista’ jagħmel l-istess kampjonat aktar missielet.

Sultana żied li huwa ferm inkorraġġanti li bosta mill-klabbs qed jagħmlu użu minn numru dejjem aktar jikber ta’ żgħażagħ fl-iswadra prinċipali tagħhom. Ħafna minn dawn iż-żgħażagħ qed jikbru ferm fil-logħba kemm mill-qalba tal-klabb tagħhom stess kif ukoll wara l-esperjenzi varji li kellhom mat-timijiet nazzjonali f’kampjonati Ewropej.

F’dan ir-rigward, il-president tal-MBA żied li hemm taħdidiet ma’ kowċ barrani biex jiġi fostna u jkun inkaragat mit-tfassil u d-direzzjoni tal-Akkademja tal-basketball li pero se jkollha grupp ta’ kowċis promettenti lokali jmexxu s-sessjonijiet dejjem taħt id-direzzjoni tal-kowċ barrani.

Fi tmiem il-konferenza, is-sur Michael Galea nieda l-logo l-ġdid, bħala parti minn sforz ġdid ta’ branding, għall-kampjonat tan-nisa MAPFRE MSV Life.

Poloz: MAPFRE MSV Life Knock Out Nisa

Il-Hadd 1 ta’ Dicembru

11am:  Hibernians vs Starlites GiG

2.30pm: Luxol vs ARMS Depiro