Lokali Parlament

Il-PN mhux se jitratta ma’ Gvern li tilef il-leġittimità li jiggverna…joħroġ mill-Parlament

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ jirrifjuta li jassumi r-responsabbiltà tiegħu li jirriżenja, l-Oppożizzjoni mhux se tibqa titratta ma’ gvern li tilef il-leġittimità li jiggverna.

F’dan il-mument l-Oppożizzjoni ħarġet ‘il barra mill-parlament.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa fil-parlament jekk wara dak li seħħ fil-pajjiż fl-aħħar ġranet fejn l-istituzzjonijiet mhux biss iddgħajfu quddiem il-poplu u lil hinn u therrew b’mod kważi irreperabbli u wara li l-ogħla esponenti tal-gvern kienu involuti f’diversità ta’ korruzzjoni, ta’ assassinji istituzzjonali u meta s-setturi kollha tal-pajjiż jinsabu kompletament f’paniku u qed jistennew u jsaqsu x’se jiġri fil-pajjiż, il-Prim Ministru hux se jiddikjara – bħala l-ewwel pass – u jerfa’ r-responabbilta li ma jibqax Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wieġeb li mhux se jidħol f’dibattitu u rrifjuta li l-istituzzjonijiet mhux jaħdmu; anzi sostna li l-pulizija qed jagħmlu xogħlhom b’indipendenza sħiħa. L-istituzzjonijiet qed jaħdmu biex ikun assigurat li l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ikun magħluq, “u se nassigura li dan ikun magħluq”.

Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni jista’ jerssaq vot ta’ sfiduċja fih u meta dan isir jitressaq u jiddeċiedi l-parlament.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru qed juri kif jirnexxielu juża’ kejl differenti għaliex meta ried keċċa ministri fuq affarijiet iżgħar iżda fil-każ fejn kien involut il-ministru tiegħu Konrad Mizzi u Keith Schembri, il-Prim Ministru m’għamel xejn. Jien se nerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħi mal-parlament u mal-poplu. Il-Prim Ministru spiċċa jirringrazzja lil min jikser il-liġi u hu akkużat b’asassinju; il-pajjiż ma jistax imur iktar lura, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li mhux infomat li hemm iktar minn persuna waħda akkużat b’assassinju u ma jistax jintefgħu akkużi fuq ċittadin privat. Jien lest nitkellem meta niġu għas-si u n-no u m’għandix problema nitkellem, sostna Joseph Muscat

Il-Kap tal-Oppożizzjoni informa lill-Kamra li l l-Prim Ministru ma jirrikonoxxix x’inhi r-responabbiltà tiegħu u għalhekk l-Oppożizzjoni mhux se titratta ma gvern li tilef il-leġittimità li jiggverna.