Sport Sport Ieħor

Luxol isaħħu posthom fil-quċċata tal-Elite

Luxol St. Andrews Futsal saħħew posthom fil-quċċata tal-Elite, meta l-Ġimgħa filgħaxija għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 8-1.

Fl-ewwel taqsima l-Beltin kellhom mumenti tajbin, iżda fit-tieni taqsima Luxol ħadu l-kontrol assolut tal-partita.

It-tmien gowls ta’ Luxol waslu minn doppjetta ta’ Giancarlo Sammut, gowl kull wieħed għal Celino Alves, Zvezdan Vukovic, Mark Zammit, Carl Azzopardi, Emil Andrei Raducu u awtogowl ta’ Andre Ciancio bl-istess plejer li skurja l-uniku gowl għall-Beltin.

Għal Luxol din kienet it-tielet rebħa minn tlieta kontra Valletta, wara li l-ewwel żewġ logħbiet intemmu 4-2 u 6-4.

Fil-logħba l-oħra li kellna l-Erbgħa, it-tim tal-Università ħareġ bi grinta liena bħalha meta għeleb lil Swieqi United bl-iskor ta’ 9-5. Swieqi United qed ibatu ħafna min-nuqqas ta’ plejers ta’ esperjenza fil-futsal u s’issa kulma ħadu rebħa waħda biss f’dan l-istaġun.

Dylan Musu kien il-protagonist prinċipali b’erba’ gowls, Gabriel Buckson min-naħa tiegħu kellu doppjetta, filwaqt li Karl Sciortino, Ervin Rigo u Denis Di Maio skurjaw gowl kull wieħed.

Għal Swieqi United kompla jispikka Sergio Gonzalez Morales li skurja erba’ darbiet, bil-ħames gowl jasal minn awtogowl ta’ Christian Wismayer.

Klassifika

Luxol 18; Valletta 9; L-Università ta’ Malta 6; Swieqi United 3.

Mill-Amateur League kellna rebħa kbira ta’ 15-2 għat-Tim B ta’ Swieqi United fuq South Boys. It-tim B ta’ Luxol ukoll ħa l-punti massimi u tela fil-quċċata ta’ dan il-kampjonat, wara li għeleb lil Zurrieq Futsal.

Klassifika

Luxol Futsal Tim B 13; Swieqi United Tim B 12; Zurrieq Futsal 9; South Boys 4; Marsaskala Futsal 3; Qormi Futsal 0.