Lokali

“Joseph Muscat se jibqa’ – Byron Camilleri

“Il-Prim Ministru se jibqa’” – Din kienet id-dikjarazzjoni li għamel il-Whip tal-Gvern, id-deputat Byron Camilleri waqt l-analiżi tal-gazzetti tal-Erbgħa filgħodu fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, fejn insista li l-Gvern ghandu warajh maġġoranza ta’ 40,000 ruh!

24 siegħa wara li riżenjaw iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi u wara li l-Ministru Chris Cardona issospenda lilu nnifsu, f’dak li esperti legali qed jgħidu li mhix mossa permissibbli, Byron Camilleri ħareġ jgħid li Joseph Muscat se jżomm postu. Dan minkejja li kien il-Prim Ministru stess illi ilu mill-2015 joħroġ għonqu għal Mizzi u Schembri. Aktar minn hekk, kien hu stess li ħatarhom fil-pozizzjonijiet li kellhom, bi Schembri itih is-sahha kollha f’Kastilja!

Fil-fatt, fl-2013, malli ħa f’idejh it-tmexxija tal-pajjiż, l-ewwel ħaġa li għamel Joseph Muscat kienet li ħatar lin-negozjant u lill-ħabib kbir tiegħu Keith Schembri bħala Chief of Staff tiegħu. U għadda portafoll importanti ferm lil Konrad MIzzi meta tah f’idejh l-Enerġija sabiex iwettaq il-wegħda elettorali tal-Power Station tal-gass – Power Station li kienet il-wegħda prinċipali tal-Partit Laburista u li fuqha bbaża kampanja elettorali sħiħa.

Qabel l-elezzjoni tal-2013, Joseph Muscat u Konrad Mizzi kienu jpinġu l-Power Station tal-gass bħala l-proġett li se jkun qed jibdel il-ħajiet tal-Maltin. Iżda sentejn wara il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kixfet lil Mizzi u lil Schembri li kienu sidien ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama u li fihom, skont id-dokumenti illikjati, kienu se jkunu qed idaħħlu €5,000 – KULL WIEĦED – KULJUM.

Izda wara li l-Prim Ministru għamel das-snin kollha jiddefendi lil Schemri u lil Mizzi… u minkejja li ilu, kif qal hu stess, sentejn biż-żrara fiż-żarbuna….Byron Camilleri qiegħed jibqa’ jinsisti li Muscat se jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter.

Intant, filwaqt li l-pajjiz kollu jinsab fi krizi politika minhabba n-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Prim Ministru, il-Gvern tul il-jum lanqas kellu attivita’ wahda ufficjali; konferma cara li l-Kabinett tal-Ministri jinsab paralizzat u mhux jiffunzjona.