Lokali

“Tikxifnix!” – rapporti jindikaw li Keith Schembri għadda dan il-messaġġ lil Yorgen Fenech

Tikber il-pressjoni fuq il-Prim Ministru u jekk hux se jagħti jew le l-Proklama lil Fenech

Rapporti qed jindikaw illi l-eks Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri, uża lit-tabib ta’ Yorgen Fenech biex iwassallu messaġġ dirett “Tikxifnix!”. Dan kien konfermat mis-sit LovinMalta u mill-ġurnalist tat-Times Ivan Martin.

Wara dan l-iżvilupp, il-Pulizija arrestaw lil Keith Schembri.

It-tabib qed jiġi identifikat bħala Dr Adrian Vella, u jidher li fl-aħħar sigħat ġie interrogat mill-Pulizija fid-Depot tal-Furjana. Vella huwa wkoll it-tabib personali ta’ Keith Schembri.

Net News hu infurmat illi kien l-istess Yorgen Fenech li kixef din il-manuva ta’ Keith Schembri li allegatament prova jinfluwenzah b’messaġġi li wassal tramite it-tabib tiegħu, Adrian Vella.

Dawn l-iżviluppi sensittivi qed iseħħu meta Yorgen Fenech għadu sal-lum qed jistenna risposta fuq it-talba tiegħu biex jingħata maħfra Presidenzjali. Kif żvela esklussivament Net News ilbieraħ, Fenech irid jikxef informazzjoni sensittiva fuq Keith Schembri. Iżda ħafna qed jistaqsu, kif jista’ jiddeċiedi Joseph Muscat fuq din il-proklama meta hemm involut direttament il-ħabib tiegħu li sal-bieraħ kien qed imexxi Kastilja?

Muscat ilu snin jiddefendi lil Keith Schembri, u sat-Tnejn bil-lejl kien qed jagħti refuġju fid-dar tiegħu lill-istess Schembri.

Keith Schembri – Adrian Vella – Yorgen Fenech
It-tabib ta’ Yorgen Fenech, Dr Adrian Vella