Internazzjonali

Unjoni Ewropea: Approvata l-Kummissjoni ta’ von der Leyen

Il-Parlament Ewropew ivvota – b’461 kontra 157 – biex japprova l-Kummissjoni Ewropea ġdida li se titmexxa mill-politiku Konservattiv tal-Ġermanja, Ursula von der Leyen.

Il-vot fi Strasbourg (Franza)– fejn kien hemm ukoll 89 astensjoni — jitqies bħala konferma qawwija għall-Kummissarji li se jiffurmaw din l-entità kruċjali. Il-Kummissjoni ġdida għanda tibda r-rwol uffiċjali tagħha mill-Ħadd, l-1 ta’ Diċembru.

Intant, il-vot fil-Parlament Ewropew kien jirrikjedi maġġoranza sempliċi għall-approvazzjoni tat-tim ta’ Kummissarji taħt Ursula von der Leyen, li se tkun l-ewwel mara li tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kummissjoni. Von der Leyen tinsab determinata biex il-Kummissjoni ġdida, taħt it-tmexxija tagħha, ‘tagħti bidu ġdid lill-Ewropa’ fost l-impenji li se jikkonċentraw, primarjament, fuq l-isfidi tal-bidliet fil-klima.

Von der Leyen hi eks Ministru tad-Difiża tal-Ġermanja u alleata antika tal-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel. Dan meta hi, sa mill-bidunett, kienet determinata biex tibni t-tim li se jmexxi lill-Eżekuttiv tal-UE b’numru ‘ugwali’ ta’ nisa u rġiel.

Il-lista tagħha ta’ 27 kummissarju, issa, se tirriżulta f’rwol ( fuq il-Kummissjoni) għal 12-il mara (b’von der Leyen inkluża) wara ġimgħat iddominati minn proċessi ta’ grilling – fejn il-kummissarji prospettivi kienu suġġetti għal sensiela ta’ domandi fit-tul mid-deputati (MEPs) tal-Parlament Ewropew.

Ikkummenta