Lokali

Wara r-riżenja ta’ Keith Schembri, Joseph Muscat jindika li għadu jirċievi informazzjoni dwar l-investigazzjoni

Tul is-seduta tal-lejla, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li hu għadu qed jinżamm infurmat bl-iżviluppi fl-investigazzjonijiet li għaddejjin.

Dan hekk kif fit-tweġiba tiegħu lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, Joseph Muscat qal li seta’ jikkonferma li sa issa hija biss persuna waħda li għandha akkużi dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Din kienet it-tieni darba fi ftit jiem li Muscat ta x’tifhem li jaf affarijiet li għadu ma tkellimx dwarhom. Dan wara li ftit tal-jiem ilu qal li ilu sentejn jissaporti żrara fiż-żarbuna.

Joseph Muscat ilu mill-bidu jagħti hu biss informazzjoni u jsejjah konferenzi tal-aħbarijiet dwar din l-investigazzjoni, li fil-kors tagħha ġie arrestat il-ħabib tiegħu Keith Schembri,

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ilu totalment sieket u assenti mix-xena sa mill-arrest tal-allegat ‘middleman’ f’dan il-każ. Arrest li beda’ katina ta’ azzjonijiet, fosthom il-ħarba ta’ Yorgen Fenech u l-arrest tiegħu, kif ukoll l-arrest u r-riżenja ta’ Keith Schembri, ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi u s-sospensjoni ta’ Chris Cardona fost oħrajn.

Intant Muscat ilu mill-2015, jiġifieri minn meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panana Papers, jiddefendi lil eks Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri u lill-eks Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi.

Mhux magħruf għaliex Muscat baqa’ sieket għal sentejn u baqa’ jġorr din iż-żrara, u kien biss fl-aħħar jiem li . tkellem dwarha.

Ikkummenta