Il-mexxejja ta’ pajjiżna jeħtieġ ipoġġu l-interess Nazzjonali l-ewwel u qabel kollox f’kull deċizjoni li hemm bżonn li tittieħed fil-ħinijiet li ġejjin.
Dan qalitu l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti l-MHRA fi stqarrija fid-dawl tal-aħħar żviluppi politiċi f’pajjiżna.
Dawn huma żminijiet ta’ sfida u bla preċendent għal Malta u jeħtieġ li jiġu indirizzati b’deċiżjonijiet għaqlin sabiex ikun żgurat li s-Saltna tad-Dritt tirrenja u sabiex inġibu għaqda u mhux firda bejnietna.
Dan, tkompli l-istqarrija, huwa l-mument tal-verità u issa aktar minn qatt qabel irid isir kull sforz biex issir ġustizzja.
L-MHRA qalet li Malta tinsab f’punt kritiku u li tista’ toħroġ minnu biss jekk is-Saltna tad-Dritt tkun dak li tiggwida d-deċiżjonijiet li jsiru, u twissi li jekk isiru żbalji fil-mod kif tiġi mmaniġġjata din is-sitwazzjoni, dan jaf ikun ta’ theddida serja għas-suċċessi li pajjizna rnexxielu jikseb b’tant sagriċċji tul numru ta’ snin.
L-istqarrija ttemm tgħid li dan huwa mument ta’ xokk għal Malta u għal dawk li jafuna madwar id-dinja, iżda jista’ jkun ukoll opportunità biex nuru li pajjizna jemmen tassew fis-sovranità tas-Saltna tad-Dritt. Kulħadd għandu rwol x’jaqdi u kull wieħed minnha jeħtieġ li jġorr ir-responsabbiltà għall-azzjonijiet tiegħu. Ejja nħallu s-Saltna tad-Dritt tmexxina ‘l quddiem.
//= $special ?>