Il-UĦM Voice of the Workers, fi stqarrija, appellat lill-partiti politiċi sabiex iżommu ‘l-bogħod milli jniżżlu lin-nies fit-toroq f’dan il-mument hekk delikat fil-politika Maltija.
Il-protesti s’issa dejjem ġew organizzati mill-għaqdiet volontarji iżda nhar il-Ħadd, il-Partit Laburista qiegħed jagħżel li jniżżel lill-partitarji tiegħu fit-toroq tal-Fgura.
Għalhekk, il-UĦM apellat li għandha tkun is-soċjetà ċivili li tibqa’ tipprotesta b’mod ċiviku u responsabbli.
Kemm-il darba l-partiti politiċi jniżżlu lill-partitarji tagħhom fit-toroq, l-istqarrija tgħid li l-istorja tieħu bixra oħra, bixra li tista’ ċċajpar l-għan tal-protesti ċivili, fejn il-kwistjoni ssir partiġjana u jkomplu jisħnu l-irjus. Għalhekk, dan kollu jrid jiġi evitat.
Il-UĦM Voice of the Workers qiegħda tappella lill-President ta’ Malta, George Vella, biex iwassal dan il-messaġġ lill-mexxejja politiċi bħala l-figura paterna f’din il-kriżi nazzjonali. L-appell lill-President ikompli jisħaq sabiex jintervjeni u jdawwal l-imħuħ tal-mexxejja politiċi ħalli jżommu ‘l bogħod milli jiġu organizzati attivitajiet partiġjani.
Din il-union ukoll tappella sabiex id-dibattitu rigward din il-kriżi nazzjonali jsir qabel mal-istess dibattitu jinżamm fil-Parlament Ewropew.
Fl-aħħarnett, il-UĦM Voice of the Workers tħeġġeġ lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha sabiex waqt li ma jkunux indifferenti għal dak li qed jiġri, iżommu l-kalma.
//= $special ?>