L-Avukat Roberto Montalto, li l-Erbgħa kien qed jiġi intervistat minn Amy Borg fuq NET Live, saħaq li l-mod kif Keith Schembri ried jgħaddi l-messaġġi lil Yorgen Fenech permezz tat-tabib tagħhom, Adrian Vella, jikxef il-livell għoli mafjuż li ħakem lil dan il-Gvern:
“Din it-tip ta’ gravità f’dal-pajjiż ċkejken farka fl-Ewropa kważi ġab lill-mafja Parlemitana u l-cartels Kolombjani u Messikani ta’ Medellin jew Tijuana jidhru qishom tfal ħdejna. Hawnhekk għandek l-ogħla forma ta’ reat, assassinju bl-assoċjazzjonijiet warajh koordinat mill-Gvern. (…) Għandna sitwazzjoni fejn il-Prim Ministru jaf kollox. Ilu jaf kollox. Mhu se jbellagħha lil ħadd. Dejjem kien jaf kollox. Injorant min jemmen fih. Jien qatt ma emmint fih u qatt mhu ħa nemmen kelma milli qal. Giddieb!”
Montalto saħaq li l-Prim Ministru qatt ma jista’ jiddeċiedi lil min se jagħti l-proklama jew le, bħal fil-każ ta’ Yorgen Fenech u ’il quddiem possibbilment Keith Schembri, għaliex lil dawn iddefendiehom b’ruħu u ġismu:
“Joseph Muscat ma kellu qatt ikun il-Prim Ministru meta tara fiex ġabna, fl-agħar żminijiet li qatt għexna. Kien jitkaża bil-Partit Nazzjonalista, li fil-kampanja elettorali li pparteċipa fihom hu kienu jsemmu l-ħniżrijiet li l-partit tiegħu kien jagħmel fit-tmeninijiet. Dan il-bravu u qaddis spiċċa qed jagħmel daqshom għal 10 darbiet!”
Il-mistieden l-ieħor waqt il-programm, l-avukat Edward Debono qal li bir-riżenji ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u Chris Cardona, wieħed waħdu jintebaħ li dawn it-3 minn nies kienu b’xi mod involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Hawn toħroġ in-nuqqas ta’ fibra tal-Kabinett Laburista li ma kellux il-grinta li jkeċċi lil dawn in-nies għaliex huma pupazzi tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
“Ma konniex nafu sal-lum illi Yorgen Fenech u Keith Schembri l-Kasco kienu qed jgħaddu messaġġi tramite t-tabib komuni tagħhom. Tinsewx x’kien il-messaġġ: Salvani u ngħinek! Tikxifnix u ngħinek!”
Debono kompla li mhux ta’ b’xejn din il-protezzjoni kollha ta’ Muscat u hu għalhekk id-dover tal-kabinett u tal-grupp parlamentari Laburista li jneħħu s-saħħa esaġerata li għandu madwaru Joseph Muscat biex ma ssirx ġustizzja vera mal-mandanti tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. U kien hawn li sejjaħ għar-riżenja immedjata tiegħu:
“Kull minuta żejda li qed jagħmel, qiegħed jipperikola l-għixien ta’ eluf u eluf ta’ ħaddiema li jaħdmu fis-servizzi terzjarji, fix-xogħol li ġej fl-iGaming u fl-industrija tat-turiżmu. Meta jkollox sitwazzjoni fejn id-demokrazija hija mhedda, it-turist ma jiġix.”
Huwa temm ifaħħar l-Oppożizzjoni għall-inizjattiva li titlaq mill-Parlament quddiem il-mod ta’ kif il-Prim Ministru qiegħed jabdika milli jerfa’ r-responsabbiltà politika tiegħu u jirriżenja. Hawnhekk jidħol l-irwol kruċjali tal-President tar-Repubblika:
“Nitlob lill-President George Vella, li kellu tant fiduċja f’dan Joseph Muscat. Illum żgur f’qalbek taf li ħarġek ta’ mażetta, lilek u lill-poplu Malti kollu kemm hu. Għajjatlu għall-ġid ta’ pajjiżna, għajjatlu għall-ġid tan-nazzjoni tagħna fl-Ewropa u fid-dinja, biex jiddimetti, biex jitlaq għaliex dan il-pajjiż se jkissru, se jkompli jgħaffġu, jgħattnu u jneħħilu kull rispett li għad fadallu.”
//= $special ?>