Lokali

DALGĦODU: Keith Schembri jittieħed lura d-Depot

Sigħat kruċjali fid-Depot, fil-Floriana, hekk kif l-investigaturi għaddejjin b’interrogazzjonijiet intensivi kemm fi-konfront ta’ Yorgen Fenech, Keith Schembri u numru ta’ persuni oħra ta’ interess.

Fil-ħin li ġej, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, mistenni jittieħed lura d-Depot hekk kif ġie arrestat mill-ġdid. Dan wara li Schembri ngħata l-Police Bail.

Dan hekk kif mistenni li fil-jiem li ġejjin Melvin Theuma, li qed jikkollabora mal-Pulizija wara li ngħata l-Maħfra Presidenzjali, mistenni jagħti xhieda ġuramentata fejn jiżvela dak kollu li jaf.

Fost l-oħrajn l-istennija hi dwar dak li se jiżvela u fuq kollox jekk hux se jsemmi lil Jorgen Fenech u lil Keith Schembri bħala l-imħuħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan wara li sorsi ta’ Net News qrib l-investigazzjoni diġa’ żvelaw li Yorgen Fenech semma’ lil Keith Schembri bħala kompliċi fil-qtil u li t-tabib tat-tnejn li huma ammetta li kien iwassal messaġġi lil Yorgen Fenech, mingħand Keith Schembri.

L-aħħar rivelazzjonijiet issa juru li l-investigaturi kien ilhom iktar minn sena jsegwu t-telefonati ta’ Yorgen Fenech u Melvin Theuma.

Dawn it-telefonati jinsabu f’idejn il-Maġistrat u mistennija jintużaw bħala prova. Magħhom, il-Maġistrat għandu wkoll recordings li b’mod sigriet irrikordja Melvin Theuma.

Fost l-oħrajn, dawn ir-rcordings fihom prova li Yorgen Fenech offra kważi nfos miljun ewro biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.

Fid-dawl ta’ dan, issa għajnejn kulħadd huma fuq dak li se jiżvela u jekk hux se jsemmi lil ħaddieħor, li possibbilment ukoll offra iktar flus biex tinqatel il-ġurnalista.

Sorsi qrib l-investigazzjoni qed jgħidu li ħafna minn dak li jista’ jgħid Yorgen Fenech jorbot fuq jekk tintlaqax it-talba tiegħu biex jiġi offrut il-maħfra presidenzjali.Yorgen Fenech allegatament diġa’ żvela li Keith Schembri ipprova jħarrbu minn Malta malli sar magħruf li Melvin Theuma ġie arrestat u li kien lest jixhed kontrihom.