Lokali

“Daphne kixfet xibka ta’ korruzzjoni tal-mistħija” – Pullicino Orlando

“Daphne kixfet xibka ta’ korruzzjoni tal-mistħija”. Hekk stqarr Jeffrey Pullicino Orlando f’post fuq Facebook.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknologija li kien inħatar f’dan l-irwol mill-Gvern Laburista qal li jsellem lil Daphne Caruana Galizia għall-kuraġġ li tikxef u toħroġ fil-beraħ dawk li qed jużaw il-kuntatti tagħhom jew il-posizzjonijiet tagħhom biex iġibu biss il-korruzzjoni. Sejjaħ dawn l-azzjonijiet bħala dawk “ġabu fuq dan il-pajjiż xejn biss għajr mistħija”.

Fil-messaġġ tiegħu Pullicino Orlando qal ukoll Daphne Caruana Galizia gidbet lil numru ta’ nies, u f’waqtiet żbaljat, u forsi kien għalhekk li n-nies m’emmnux dak li kienet tikteb, anki meta kitbet il-verità. Huwa qal li jiddispjaċih li f’mumenti bħal dawn ra l-pinna tagħha tiġi mxekkla u ttapnet minn seksik.

Hu iżda għalaq il-messaġ b’tama li dawk kollha involuti f’dawn l-iskandli u fil-qtil tagħha biex jieħdu dak li ħaqqhom filwaqt li ta tislima mill-ġdid lill-ġurnalista li kienet ġiet assassinata f’Ottubru 2017.