Lokali

“Din mhux il-politika li ħlift għaliha meta bist is-salib” – Julia Farrugia Portelli

“Din mhix il-politika li ħlift għaliha meta bist is-salib sentejn u nofs ilu.”

Kliem iebes b’messaġġ dirett dak li kitbet dalgħodu s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli fid-dawl tas-sitwazzjoni li l-eqreb nies tal-Prim Ministru Joseph Muscat daħħlu lil pajjiżna fih.

Kliem li jasal mingħand waħda mill-eqreb nies tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li fl-aħħar jiem dejjem dehret takkumpanjah u li taħdem minn Kastilja.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, hi fakkret li dawk li daħlu fil-politika għamlu dan biex jaħdmu “b’mod diċenti u nadif, bħal kull familja normali f’dan il-pajjiż.”

Qalet li bħalissa “Malta għandha bżonn li tistrieħ u tibda tfejjaq din il-ġerħa mill-aktar fis.”

Minkejja dan kollu, Julia Farrugia Portelli, bħal sħabha kollha fil-Kabinett, fl-aħħar jiem tat fiduċja sħiħa lill-Prim Ministru Joseph Muscat li ilu snin jiddefendi lil Keith Schembri, li issa jinsab arrestat.