Internazzjonali

Iċ-Ċina twissi lill-Istati Uniti dwar Hong Kong

Iċ-Ċina wissiet lill-Istati Uniti li kapaċi tieħu ‘il-kontro-miżuri sodi’ f’każ li Washington ikompli juri appoġġ lid-dimostranti favur id-demokrazija fit-territorju ta’ Hong Kong.

It-twissija ħarġet wara li l-President Amerikan, Donald Trump, iffirma l-Att dwar id-Demokrazija u d-Drittijiet Umani bħala liġi. L-Att effettivament jiftaħ mandat għal analiżi, fuq bażi annwali, li tiddetermina jekk Hong Kong (eks-kolonja Britannika) għandux biżżejjed awtonomija biex jiġġustifika status speċjali mal-Istati Uniti.

Donald Trump, fil-preżent qed jipprova għal ftehim maċ-Ċina bil-għan li tintemm il-‘gwerra kummerċjali’ bejn iż-żewġ partiti.

Intant, iċ-Ċina, issa, akkużat lil Washington dwar ‘qerq u dispożizzjoni biex jinjora l-fatti dwar Hong Kong’. Spikkat ukoll it-theddida ta’ miżuri  ‘f’każ li l-Amerikani jkomplu f’din it-triq, bl-awtoritajiet f’Beijing isostnu li ‘l-Istati Uniti qed tappoġġja kriminali  li ppruvaw ikissru l-liġi u l-ordni soċjali fit-territorju ta’ Hong Kong’.