Internazzjonali

Iraq: Il-vjolenza teskala…bil-mejtin jiżdiedu

A protester pours fuel on a tire to burn it as he blocks a street during ongoing anti-government protests in Najaf, Iraq November 27, 2019. REUTERS/Alaa al-Marjani

Madwar 30 persuna tilfu ħajjithom f’waħda mill-aktar ġranet imdemmija mindu bdew il-protesti kontra l-Gvern tal-Iraq, ix-xahar li għadda.

Mietu talanqas 20 fil-belt ta’ Nasiriya meta l-qawwiet tas-sigurtà fetħu n-nar fuq folol ta’ dimostranti li kienu qegħdin jagħlqu l-aċċess minn żewġ pontijiet. Kien sparat ukoll il-gass tad-dmugħ fuq id-dimostanti f’Nasiriya fost rapport li ndarbu tal-anqas 70 ruħ.

Intant, talanqas erba’ dimostranti oħra nqatlu f’Bagdad, b’numru ta’ nies ukoll jitilfu ħajjithom fil-belt ta’ Najaf — l-istess belt fejn, f’nofs il-ġimgħa, ingħatat in-nar lil konsulat tal-Iran.

L-Iraqqin ilhom il-jiem jipprotestaw fit-toroq għal aktar xogħol, tmiem għall-korruzzjoni u titjib fis-servizzi pubbliċi. Sadattant, il-militar tal-Iraq qal li kien qed iwaqqaf taqsimiet militari speċjali biex jikkonfrontaw ‘il-kriżi’ u jrażżnu l-inkwiet fit-toroq.

Id-direttiva għal dawn it-taqsimiet ‘għall-emerġenzi’ ngħatat mill-Prim Ministru Iraqi, Adel Abdel Mahdi li hu wkoll il-kap kmandant tal-qawwiet armati ta’ pajjiżu.

Il-protesti tal-massa kontra l-Gvern qed ikunu diretti fil-parti kbira lejn il-mexxejja politiċi tal-Iraq. Dan meta ħafna mid-dimostranti fl-Iraq huma rrabjati wkoll dwar l-influwenza tal-Iran fuq l-affarijiet interni ta’ pajjiżhom.