Lokali

Joseph Muscat isejjaħ laqgħa urġenti f’Kastilja

Ftit tal-minuti ilu f’Kastilja bdew jaslu diversi Ministri tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat. Dan hekk kif jidher li mistennija tibda laqgħa urġenti tal-Kabinett.

L-iżvilupp iseħħ wara li, għall-kuntrarju tas-soltu, il-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja ferm wara l-ħin tas-soltu.

S’issa, id-Deputati li deħlin f’Kastilja ma kkummentawx dwar l-iskop ta’ din il-laqgħa. Sorsi tagħna saħansitra jindikaw li l-aġenda tal-laqgħa lanqas biss kienet komunikata mad-Deputati.

Waqt li ħafna ħarbu milli jikkummentaw, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ddikjara biss li “s-sitwazzjoni hi serja.”

Rapporti jindikaw li fl-aħħar ħin f’Kastilja kien hemm ukoll l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Mhux magħruf jekk il-preżenza tagħhom hix relatata mal-laqgħa li sejjaħ il-Prim Ministru.