Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Tipprova l-missili qabel deadline sinifikanti

Il-Korea ta’ Fuq komunista sparat żewġ missili għal fuq id-distanzi qosra bħala prova, b’dan l-eżerċizzju jikser il-kwiet ta’ xahar filwaqt li rranka l-inċertezza fil-penisola Koreana. Il-missili niżlu fil-baħar ’il hinn mill-kosta tal-lvant tal-Korea ta’ Fuq, fost rapporti li l-Istat komunista ‘kien qed jipprova l-effettività tal-multiple rocket launchers ġodda li akkwista’.

L-aħħar prova saret meta fadal biss xahar għad-deadline ta’ tmiem is-sena li l-Korea ta’ Fuq tat lill-Istati Uniti bil-għan li jerġgħu jibdew it-taħditiet dwar id-denuklearizzazzjoni fil-penisola Koreana. Intant, is-sorsi fil-Korea t’Isfel qalu li l-missili, li kienu sparati minn launchers fil-belt ta’ Yonpo,  ivvjaġġaw għal distanza ta’ 380 kilometru

Il-Prim Ministru tal-Ġappun, Shinzo Abe, qal li din il-prova qed titqies bħala theddida mhux biss għall-Ġappun iżda anki għar-reġjun kollu u ’l hinn minnu.

Għalkemm l-ebda missila ma daħlet fl-ispazju tal-ajru tal-Ġappun, Abe qal li pajjiżu ‘se jibqa’ f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Uniti u l-komunità internazzjonali waqt li jsegwi s-sitwazzjoni.’