Lokali Qtil Politiku

Kunflitt ta’ interess evidenti – Il-Kamra tal-Avukati

L-investigazzjonijiet u sussegwentament il-kors tal-ġustizzja f'periklu

Il-kunflitti ta’ interess huma evidenti u jipperikolaw l-investigazzjonijiet, u sussegwentament il-kors tal-ġustizzja. Jeħtieġ li f’dawn iż-żminijiet eċċezzjonali u bla preċedent, kwalunkwe persuna fil-poter għandu jkun ħieles minn kull kunflitt ta’ interess jew jekk implikat, jaġixxi b’kawtela liema bħalha, speċjalment meta l-investigazzjonijiet tal-Pulizija jinvolvu Ministri jew uffiċċjali għolja pubbliċi preżenti jew passati.

Dan saħqitu l-Kamra tal-Avukati fi stqarrija li fiha uriet it-tħassib serju tagħha għar-rivelazzjonijiet xokkanti riċenti b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-istqarrija tkompli tgħid li fi żminijiet kruċjali bħal dawn, wieħed iwieżen is-saħħa tal-istituzzjonijiet u l-indipendenza tagħhom, billi jaġixxu mingħajr biża’ jew favur b’serenità u kuraġġ.

Għalhekk appellaw li l-użu tal-maħfra presidenzjali lil individwu f’reat krminali serju għandha tingħata f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss, bil-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għandhom irwol kruċjali biex jevalwaw u jagħtu r-rakomandazzjonijiet tagħhom għal min għandu jerfa’ r-responsabbiltà kriminali u min jiġi eżonorat minnha.

Għalhekk l-importanza li l-ebda membru tal-Eżekuttiv ma jkollu ebda suspett fuqu għaliex huwa l-Eżekuttiv li jagħti dina l-maħfra, li f’dan il-każ is-sitwazzjoni hija aktar delikata.

Il-Kamra tal-Avukati temmet tinsiti li l-pajjiż jeħtieġ jirritorna għan-normalità, bi gvern nadif li lest jagħmel ir-riformi kostituzzjonali urġenti tant neċessarji li jiggarantixxu l-indipendenza tal-istituzzjonijiet kruċjali mill-Eżekuttiv tal-pajjiż. Appellat biex illum qabel għada, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jinħatru b’żewġ terzi tal-Parlament.