L-awtoritajiet Albaniżi fl-aħħar sigħat kienu qed jitilfu t-tama li joħorġu aktar nies ħajjin minn taħt it-tifrik tal-bini li kkrolla waqt it-terremot ‘kważi storiku’ ta’ nhar it-Tlieta. Dan meta ċ-ċifra tal-mejtin fit-terremot qabżet l-40, bl-iskwadri għall-emerġenza jtellgħu aktar katavri mill-fdalijiet tal-bini.
Filwaqt li llum jaħbat Jum l-Indipendenza fl-Albanija, il-ħidma tas-search and rescue qed tkompli fil-belt tal-port ta’ Durres fejn il-katavri ta’ tliet vittmi oħra tat-terremot kienu rkuprati fit-tfittxija li baqgħet għaddejja matul il-lejl li għadda.
Madankollu, it-tfittxija għall-katavri waqfet fil-belt ta’ Thumane meta l-awtoritajiet qed jemmnu li ‘ma fadalx aktar nies mirdumin’ taħt il-bini tal-appartamenti li kkrollaw waqt l-eqqel tat-theżżiża l-kbira. Dan meta fil-lejl li għadda ittellgħu sitt katavri oħra minn taħt it-terrapien f’dik iz-zona ta’ Thumane.
Ħafna mir-residenti ta’ Thumane li tilfu djarhom fit-terremot qattgħu t-tieni lejl fi speċi ta’ ‘belt tat-tined’ fl-inħawi, bil-Gvern Albaniż jimpenja ruħu biex, is-sena d-dieħla, jipprovdi d-djar ġodda għaċ-ċittadini kollha li tilfu r-residenzi fit-terremot.
Hu kkonfermat li ndarbu ’l fuq minn 650 persuna fit-terremot tat-Tlieta li rreġistra 6.4 fuq l-Iskala Richter. It-terremot kien segwit bil-mijiet ta’ theżżiż sekondarju (aftershocks) li wħud minnhom laħqu livell ta’ ‘ħamsa’ fuq l-Iskala. It-theżżiż baqa’ jikkumplika l-isforzi tas-salvataġġ fiz-zoni li ġarrbu l-agħar tat-terremot kbir.
//= $special ?>