Lokali

“Nuqqas ta’ kredibbiltà min-naħa tal-Gvern” – aditus

L-aditus permezz ta’ ittra sostniet hija tal-mistħija li numru ta’ istituzzjonjiet li suppost jassiguraw il-ġustizzja u l-proċess demokratiku kienu qed jintużaw bħala għodda għall-partit li jkun qiegħed imexxi fil-mument. Fil-kuntest saret referenza għall-ġudikatura, it-tribunali, il-pulizija u l-Forzi Armata ta’ Malta.

Din l-ittra kienet indirizzata lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President Finlandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-President tal-Paralement Ewropew u lill-President tal-Kummissjoni Ewropea.

L-ittra kompliet billi sostniet li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u n-nuqqas ta’ azzjoni immedjata dwar dan il-qtil turi n-nuqqas ta’ kontabbilità min-naħa tal-Gvern. Dan in-nuqqas kien ukoll ta’ xkiel kbir fil-fiduċja li wieħed jista’ jkollu fl-istituzzjonijiet, f’mument partikolari fejn it-tensjoni qed tirrenja l-pajjiż.

Intqal li bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, Malta hija marbuta politikament u legalment li tmexxi l-affarijiet interni tagħha b’mod konsistenti u konformi mat-Trattati tal-Unjoni Ewropea, il-leġislazzjoni u l-valuri ewlenin.

Għalhekk fl-ittra ġie mtenni li hija r-responsabbiltà tal-Istituzzjoni rispettiva biex tevalwa s-sitwazzjoni nazzjonali attwali bil-għan li tiżgura mod ta’ governanza li jikkonforma b’mod effettiv mal-istatus ta’ Malta bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.