Lokali

Talba lill-President: “Yorgen Fenech lest joffri informazzjoni dwar Schembri, Mizzi, Cardona u oħrajn”

L-avukati ta’ Yorgen Fenech, implikat fl-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, irrikorrew għand il-President ta’ Malta fejn jitolbuh jaġixxi.

Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri, li qed jidhru għal Fenech, qalu lill-President li l-Prim Ministru ma jistax jiddeċiedi hu dwar jekk Fenech jingħatax il-Maħfra Presidenzjali.

Dan għaliex fl-ittra jiddikjaraw li hu lest joffri informazzjoni “fil-konfront ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona u oħrajn, kollha persuni viċin ħafna tal-Prim Ministru u li sat-Tlieta filgħodu kienu qed jattendu għal-laqgħat tal-Kabinett.”

Jgħidu li allura, ladarba dawn huma nies qrib daqshekk tal-Prim Ministru, ma jistax ikun Joseph Muscat li jagħti r-rakkomandazzjoni hu jew membru tal-Kabinett.

Fl-ittra lill-President, l-avukati ta’ Yorgen Fenech jiddikjaraw li “kif magħruf mill-investigaturi, Keith Schembri għandu kull interess biex jinnewtralizza l-provi kontra tiegħu, liema provi jikkonsistu prinċipalment, jekk mhux esklussivament, fl-evidenza li tista’ tingħata mill-esponent, liema evidenza ssir inammissibbli fil-mument li l-istess esponent jitressaq il-Qorti.”

L-istess avukati, fl-ittra lill-President, itennu li, waqt li kien qed jiġi nterrogat, Keith Schembri bagħat “esponent” biex jgħidlu “x’kellu jistqarr mal-Pulizija sabiex ma jiġix implikat hu” waqt li kien qed jinżamm fil-Kwartier Ġenerali jistenna r-risposta għat-talba tal-Proklama.

Jiddikjaraw ukoll li l-awtorita tal-Prim Ministru li jiddeċiedi fuq il-maħfra presidenzjali “ġiet delegata lilu kontra kull prassi.”

Hu fid-dawl ta’ dan li Yorgen Fenech talab, kif inhu dritt tiegħu, li t-talba tiegħu tiġi evalwata mingħajr ebda intervent, jew intromissjoni, b’mod oġġettiv, imparzjali u mingħajr l-interferenza ta; interessi politiċi u/jew personali.