Lokali

Anke l-Ekonomija qed tbati mill-instabbiltà – Adrian Delia

Hu ta’ tħassib li l-Ekonomija wkoll qed tintlaqat mill-instabbiltà li għaddej minnu l-pajjiż. Ninkwieta meta nisma’ li ta’ din is-sena kien l-agħar Black Friday fl-aħħar snin. Aktar u aktar meta tara li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jaħseb li din hi xi logħba.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervent matul il-bulettin ta’ NET News, fejn fakkar ukoll kif il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna issa nstab li hu taħt Inkjesta Maġisterjali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella għall-kalma waqt il-protesti li qed isiru biex jibqa’ jingħad il-messaġġ wieħed favur il-ġustizzja u kontra l-korruzzjoni. U dan minkejja kwalunkwe diskors ta’ provokazzjoni li qed isir.

Fl-istess waqt, hu esprima t-tħassib tiegħu għall-fat li minflok jiċċelebraw il-gradwazzjonijiet tagħhom jew jiddedikaw ħinhom biex jistudjaw, iż-żgħażagħ tagħna mhux ikollhom għażla oħra ħlief jipprotestaw bit-tama li jgħixu l-futur tagħhom f’pajjiż nadif.

Adrian Delia appella lill-poplu biex jibqa’ magħqud ħalli naraw li ssir il-ġustizzja u tkun megħluba darba għal dejjem il-korruzzjoni, li tant qed tagħmel ħsara lil pajjiżna.