Lokali

Flok għandna Gvern li mexxa investigazzjoni kif suppost, għandna Gvern li għandu jiġi investigat minnufih

“Joseph Muscat illejla ma rriżenjax. Dan ifisser li l-Gvern u l-istituzzjonijiet ta pajjiżna se jibqghu immexxija minn Joseph Muscat li għamel tliet snin jiddefendi u jipproteġi lil Keith Schembri wara li dan inkixef li kien involut f’każ ta’ ħasil tal-flus u tixħim.”

Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li fakkar li “l-istess Joseph Muscat, kontra kull sens tas-sewwa u diċenza, ikkontrolla investigazzjoni li wasslet biex Keith Schembri jiġi liberat minn investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.”

Fakkar li “pajjiżna llum mmexxi minn persuna li tilfet kull leġittimità meta l-iktar nies qrib tiegħu ġew u qed jiġu indikati f’każijiet kriminali tal-ogħla livell.”

Dan waqt li nnota li “Joseph Muscat flok warrab u ħalla l-proċess investigattiv jimxi mingħajr l-indħil tiegħu ħa fuqu r-responsabbiltajiet importanti fil-kors tal-ġustizzja inkluż id-deroga fuq maħfriet Presidenzjali.”

“Il-ġustizzja, u l-ġustizzja kollha f’dan il-każ s’issa la saret u lanqas ma dehret li saret. Il-Kabinett tal-Ministri llejla rrenda ruħu kompliċi fi proċess intiż biex il-ġustizzja f’pajjiżna ma ssirx. Minflok għandna Gvern li mexxa investigazzjoni kif suppost, illum għandna Gvern li għandu jiġi investigat minnufih,” iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Adrian Delia kompla li “pajjiżna għandu kriżi Kostituzzjonali. Pajjiżna għandu kriżi istituzzjonali. Minn dan il-mument ‘il quddiem l-Oppożizzjoni qed tikkunsidra l-passi kollha li tista’ tieħu fl-interess uniku ta’ pajjiżna.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien qed jgħaddi dawn il-kummenti ftit tal-ħin wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li ġew rifjutati żewġ talbiet għall-maħfra presidenzjali lil Yorgen Fenech.