Lokali

Ġurnalisti imbarrati ġewwa Kastilja; il-PN jitlob azzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija

Kundanna ċara mill-PN għal dak li seħħ fis-sigħat bikrin ta' dalgħodu

L-Oppożiżżjoni Nazzjonalista tikkundanna bil-qawwa kollha dak li seħħ fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu fejn ġurnalisti Maltin u barranin ġew imbarrati għal xi ħin fis-sala ta’ Kastilja minn persuni dak il-ħin mhux identifikabbli. Wara aktar minn seba’ sigħat jistennew l-ezitu ta’ laqgħa tal-Kabinett, hekk kif intemmet il-konferenza stampa mill-Prim Ministru, l-ġurnalisti ma tħallewx joħorġu mis-sala f’Kastilja.

Għal ċertu ħin persuni mhux identifikabbli illegalment imbarraw il-ħruġ għall-ġurnalisti. Dawn il-persuni rrifjutaw iwieġbu l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti biex jgħidu x’pożizzjoni jokkupaw, għal-liema raġuni ma kienux qed iħallu lill-ġurnalisti joħorġu, taħt liema liġi u taħt l-ordni ta’ min kienu qed jaġixxu b’dak il-mod.

Dawn il-persuni ma taw xejn minn din l-informazzjoni. Issa sar magħruf li dawn il-persuni m’għandhom l-ebda awtorità li jaġixxu b’dak il-mod illegali u sfaċċat fl-uffiċċju stess tal-Prim Ministru f’Kastilja.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tqis li dawn il-prattiċi ta’ għajb qatt ma jistgħu jkunu ġustifikati f’pajjiż suppost demokratiku.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jesiġi li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jinvestiga l-każ u jieħu l-passi skont il-liġi kontra min kien responsabbli għal dan l-aġir.

L-Oppożizzjoni tistenna azzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija mingħajr dewmin.