Lokali

Se jaffaċjaw inkjesta kriminali b’rabta mad-deal tal-Vitals

L-Imħallef Edwina Grima kkonfermat sentenza tal-Ewwel Qorti u ċaħdet l-appell li ressqu l-eks Ministru Konrad Mizzi, il-Ministru Edward Scicluna u l-Ministru sospiż Chris Cardona biex ma tinfetaħx inkjesta kriminali dwarhom u l-ftehim mal-Vitals Global Healthcare.

L-inkjesta kienet ntalbet mill-organizzazzjoni Repubblika biex ikun magħruf jekk Scicluna, Cardona u Mizzi flimkien ma’ Ivan Vassallo, direttur maniġerjali u sid ta’ Technoline, tawx vantaġġ lill-grupp ta’ investituri wara l-VGH waqt il-proċess tal-għażla.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kienet laqgħet it-talba f’Lulju li għadda fejn qalet li l-ġurnaliżmu investigattiv għandu jingħata widen, għax dak li fuqu se tkun qed tindaga l-inkjesta, kien  żvelat mill-midja u għalhekk jixraq li tinfetaħ inkjesta biex tkun magħrufa l-verità kollha.

F’Ottubru li għadda, l-Imħallef Giovanni Grixti biddel id-deċiżjoni tal-Maġistrat Stafrace Zammit iżda l-Imħallef Grima tat raġun lir-Republika u qatgħetha li hemm bażi biex l-inkjesta ssir.

L-ewwel l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, minħabba l-fatt li ħuha ħuwa l-Ministru Jose Herrera, għażlet li ma tismax il-każ u l-Imħallef Aaron Bugeja wkoll għażel li jastjeni minħabba l-każ fuq il-modulu ta’ kif jinħatru l-ġudikanti, każ li jrid jinstema’ mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.