Internazzjonali

Ir-Russja: Arrestata fuq suspett li spjunat għall-Ukrajna

L-awtoritajiet Russi  arrestaw mara Russa fuq suspett ta’ tradiment u fejn hu allegat li hi kienet serqet is-sigrieti militari ‘għall-interessi tal-Ukrajna’. L-arrest, li sar fil-belt ta’ Sevastopol, fil-Krimea, kien ikkonfermat mill-membri tas-Servizzi tas-Sigurtà Federali.

Ir-Russja, fl-2014, kienet ħatfet il-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna u għaqqditha ma’ artha – madankollu, il-Gvern fi Kiev u l-Punent jikkunsidraw din il-peniżola bħala territorju tal-Ukrajna.

Ir-Russja, fl-aħħar snin, impenjat ruħha bis-sħiħ biex tintegra r-reġjun fit-territorju tagħha. Dan meta l-Krimea (sa mindu ġiet annessa mar-Russja) baqgħet taħt il-lenti għall-allegati sorsi tas-spjunaġġ u t-tensjoni bejn il-qawwiet armati rivali f’dik iz-zona.

Il-mara arrestata ma ssemmietx b’isimha. Intant, is-Servizzi tas-Sigurtà Federali qalu li ‘hi kienet reklutata mis-servizzi speċjali tal-Ukrajna u ntużat biex tiġbor informazzjoni klassifikata fuq livell militari taħt l-istruzzjonijiet tad-Direttorat għas-Servizzi Sigrieti mal-Ministeru tad-Difiża tal-Ukrajna’.

Xi deputati Russi qalu li l-mara kienet taħdem bħala impjegata ċivili mal-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed li hi bbażata f’Sevastopol.

L-Ukrajna ma ħarġitx b’kumment immedjat dwar il-każ. Intant, il-mara – li tista’ teħel sa 20 sena ħabs f’każ li tinstab ħatja – hi t-tieni persuna li spiċċat arrestata mir-Russja dan ix-xahar fuq suspett ta’ spjunaġġ fuq livell militari għan-nom tal-Ukrajna.