Lokali

Joseph Muscat jissemma’ fi statement li ta Yorgen Fenech lill-Pulizija; il-PM jgħid li għadu ma rax l-istatement

Is-suspettat fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ta informazzjoni ġdida lill-Pulizija, waqt l-interrogazzjonijiet li għaddejin, liema informazzjoni tipponta lejn il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Din l-aħbar kienet żvelata mis-sit LovinMalta aktar kmieni illum. B’reazzjoni, il-Prim Ministru qal li għadu ma rax x’inqtal f’dan l-istatement. Imma qed jinsisti li mhux se jiġi rikattat, u jiċħad kwalunkwe allegazzjoni li qed issir.

Kien Net News illi dalgħodu spjega kif il-Prim Ministru hu mistenni li jirriżenja fis-sigħat li ġejjin, għalkemm mhux magħruf eżatt jekk din il-mossa ta’ Muscat kinitx waħda sfurzata propju minħabba dawn l-allegazzjonijiet serji ta’ Yorgen Fenech.

Kmieni dalgħodu, Joseph Muscat żar lill-President George Vella għalkemm s’issa għadu mhux magħruf x’kien diskuss u jekk tkellmux dwar l-intenzjoni tiegħu li jwarrab.

Hu mifhum li Muscat se jħabbar li se jirriżenja iżda mistenni jibqa’ Prim Ministru sakemm jinħatar Mexxej ġdid tal-Partit Laburista biex jieħu postu bħala Prim Ministru fil-ġimgħat li ġejjin.

Skont is-sorsi tagħna, jidher illi sa Jannar il-Partit Laburista jkollu mexxej ġdid u allura Prim Ministru ġdid għall-pajjiż.