Internazzjonali

L-Afganistan: Trump jesiġi li t-Taliban iridu ftehim

TIl-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, żar lit-truppi Amerikani fl-Afganistan fl-okkażjoni tal-festa tat-Thanskgiving u fejn, waqt diskors, qal li l-Istati Uniti għaddejja bit-taħditiet mal-militanti Iżlamiċi tat-Taliban ‘li jridu jidħlu fi ftehim mal-Amerikani’.

Matul iż-żjara qasira ( li ma tħabbritx minn qabel), Trump serva l-ikel lis-suldati, filwaqt li ippoża għar-ritratti u ltaqa’ mal-President Afgan, Ashraf Ghani.

Iż-żjara, fl-istess ħin, saret wara skambju ta’ priġunieri bejn l-Istati Uniti u t-Taliban, bħala proċess intiż biex ikomplu n-negozjati għall-paċi.

Intant, Donald Trump tenna li l-Istati Uniti qed tnaqqas ‘sostanzjalment’ in-numri tal-militar fl-Afganistan.

Dan meta xi 13,000 suldat Amerikan għadhom f’dan il-pajjiż, tmintax il-sena wara l-intervent minn Washington biex iqaċċat l-amministrazzjoni tat-Talibani f’Kabul, wara l-attakki terroristiċi ta’ Settembru tal-2001 fuq l-Istati Uniti.