Lokali

“L-agħar Black Friday fl-aħħar snin” il-GRTU

L-istabbilimenti madwar Malta u Għawdex irreġistraw bejgħ inqas milli stennew hekk kif il-Ġimgħa f’pajjiżna wkoll tfakkret il-ġurnata magħrufa bħala Black Friday.

Din il-ġurnata hi waħda rinomata madwar id-dinja bħala l-jum fejn diversi stabbilimenti jraħħsu drastikament il-prezzijiet tal-prodotti tagħhom. Dan bl-iskop li jiżdied il-bejgħ.

Iżda waqt li f’pajjiżna l-bejgħ f’dan il-jum żdied ukoll, hekk kif ħafna jkunu qed jistennew li jiffrankaw xi ħaġa, il-GRTU ddikjarat li l-ammont ta’ bejgħ kien inqas milli mistenni.

Fost l-agħar milquta kienu l-ħwienet fil-Belt Valletta li ddikjaraw li kellhom l-agħar Black Friday li qatt jiftakru, bi ftit li xejn xerrejja jżuru l-ħwienet tagħhom.

Ewlenija fost ir-raġunijiet għal dan kienet is-sitwazzjoni politika delikata li għaddejja bħalissa f’pajjiżna. Il-GRTU tiddikjara wkoll li jekk wieħed iħares lejn ix-xena sħiħa nazzjonali, Black Friday ta’ din is-sena ma kienx tajjeb daqs is-soltu.