Internazzjonali

L-Awstralja: Jintbagħtu l-ħabs għal pjan terroristiku fi żmien il-Milied

Tliet irġiel intbagħtu l-ħabs għal pjan terroristiku fuq skala kbira indirizzat għall-aktar zoni attivi fiċ-ċentru ta’ Melbourne.

L-irġiel, li ħadu l-ispirazzjoni mill-moviment tal-ISIS, kienu qed jippjanaw li jattakkaw lin-nies bl-isplussivi u s-skieken kbar waqt il-perjodu tal-Milied tal-2016.

Il-kumplott kien intiż ‘biex joħloq il-massimu tad-dmija’ u l-Gvern Awstraljan, dak iż-żmien kien fisser il-pjan bħala ‘wieħed mill-aktar theddid sostanzjali għall-Awstralja fi żmenijietna’.

L-Imħallef Christopher Beake, tal-Qorti Suprema tal-Istat ta’ Victoria, fl-aħħar sigħat, fisser il-pjan qattiel bħala ‘assalt fuq il-valuri fundamentali tas-soċjetà’.

Tnejn mill-imputati, Abdullah Chaarani u Ahmed Mohamed qed jiskontaw 38 sena ħabs u l-ieħor, Hamza Abbas, ingħata 22 sena priġunerija. Is-sentenzi kienu konfermati s-sena l-oħra wara li huma ammettew il-ħtija. Raġel ieħor, Ibrahim Abbas, is-sena l-oħra kien intbagħat il-ħabs għal 24 sena għar-rwol tiegħu bħala ‘il-moħħ wara dan il-kumplott’.