“Li Joseph Muscat jirriżenja m’għadux biżżejjed. Issa l-aġir ta’ Muscat innifsu għandu jkun investigat.”
Sejħa mill-iktar ċara u iebsa mill-ġurnal Times of Malta fl-editorjal tiegħu bit-titlu “Dan mhux pajjiż normali” hekk kif fl-aħħar siegħat il-pajjiż kien mheżżeż bl-aħbar li Keith Schembri, minkejja l-aħħar żviluppi b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kien rilaxxat mill-Pulizija.
L-Editorjal ikompli li matul il-ġurnata sar magħruf li Muscat kien ilu jaf li Yorgen Fenech kien is-suspettat ewlieni wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia minn Mejju tas-sena li għaddiet u kien qed jingħata aġġornamenti kontinwi dwar il-każ. Keith Schembri kien preżenti f’uħud minn dawn il-laqgħat.
Times of Malta jkompli li filwaqt li huma l-Qrati li għandhom jiddeċiedu jekk Keith Schembri kienx il-moħħ jew kompliċi wara l-qtil tal-ġurnalista, l-investigaturi kellhom biżżejjed raġunijiet li tal-inqas, kien qed jostakola l-ġustizzja u li għadda messaġġi lil Yorgen Fenech tramite tabib li kien ħabib mat-tnejn.
Minkejja dan u minkejja li l-investigaturi semgħu akkużi serji li għamel Fenech fil-konfront ta’ Keith Schembri dwar każi oħra ta’ korruzzjoni, dan ma fisser xejn u Schembri kien rilaxxat.
L-Editorjal ikompli li bi Schembri barra, il-middleman mogħti immunita’ minn prosekuzzjoni u Yorgen Fenech miċħud il-maħfra, kollox hu lest biex l-imprenditur ikun l-uniku wieħed li jħallas ta’ kollox. Bil-mass meeting il-Ħadd fil-Fgura bħala l-epilogu ta’ din il-ġrajja kollha.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Prim Ministru kien involut f’investigazzjoni fil-konfront tal-aqwa ħabib tiegħu, li lanqas biss waslet sal-Qrati imma diġa’ ħelsitu.
Muscat kien fuq quddiem f’investigazzjoni qisu kien hu il-Kummissarju tal-Pulizija u irċievi briefings mis-servizzi tas-sigurta’ dwar suspettat ewlieni filwaqt li jaħdem spalla ma’ spalla ma’ bniedem b’akkużi serji li hu l-vera moħħ wara l-qtil.
Il-Mistoqsijiet, ikompli l-editorjal, jiġu waħedhom: Min qed jipproteġi l-Prim Ministru? Qed jipproteġi lilu nnifsu?
F’dawn iċ-ċirkostanzi, li Muscat jirriżenja mhux biżżejjed, iżda l-aġir tiegħu għandu jkun suġġett għal investigazzjoni.
L-Editorjal itemm li ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk u sejjaħ lil kull min hu rrabjat u fi stat ta’ disperazzjoni għall-istat tal-biki tal-pajjiż, biex illejla jipprotesta fil-Belt Valletta.
//= $special ?>