Lokali Qorti

“Ma tistax issir ġustizzja jekk Keith Arnaud ikompli jinvestiga lil Yorgen Fenech”

Ma tistax issir ġustizzja jekk l-Ispettur Keith Arnaud ikompli jinvestiga lil Yorgen Fenech. Dan huwa ħabib u għandu rabtiet ma’ persuna li wkoll kien taħt investigazzjoni. Dan saħansitra rranġa biex il-mara tal-Ispettur tikseb impieg u jekk Keith Arnaud ikompli jinvestiga lil Fenech, il-ġustizzja ma tkunx qed isir fiss-erħan tal-moħħ.

Dan ingħad mill-avukat Marion Camilleri quddiem l-Imħallef Miriam Hayman li bdiet tisma’ l-każ dwar il-mandat ta’ inibizzjoni li għamel Yorgen Fenech sabiex l-Ispettur Keith Arnaud jiġi eżonorat mill-jkompli jinterrogah. Sadanittant deċiżjoni dwar jekk jintlaqax il-mandat jew le se tittieħed nhar it-Tnejn.

L-Avukat Camilleri li flimkien mal-Avukat Gianluca Caruana Curran qed jidhru għal Fenech tkellmet fuq il-bżonn tal-indipendenza fl-investigazzjoni. “Kif tista’ qatt il-ġustizzja tidher li qed issir meta dan il-persuna għandu rabtiet mal-persuna li minnha qed jiġi investigat Fenech”. Kompliet tgħid li huma talbu l-kummissarju biex jibdel lil Arnaud ma’ xi ħaddieħor u mhux li tieqaf l-investigazzjoni.

L-Avukat qalet li magħhom mhix issir il-ġustizzija. Hi spjegat li l-Ispettur Keith Arnaud huwa viċin ħafna ta’ Keith Schembri. Camilleri spjegat li Arnaud talab xogħol għall-mara tiegħu, u dan eventwalment ingħata.

Tenniet ukoll li Keith Schembri għadda informazzjoni sensittiva lil Fenech, b’Schembri jgħid li ġab din l-istess informazzjoni minn għand l-uffiċjal prosekutur. Camilleri kompliet tisħaq li jekk jibqa’ Arnaud se jkun hemm preġudizzju irreperabbli.

L-avukat Marion Camilleri qalet li hi bħala l-avukat ta’ Fenech ma għandiex aċċess għall-filmati tal-CCTV waqt li Fenech kien taħt il-kustodja tal-Pulizija. Camilleri kompliet tispjega li l-prova mhix aċċessibbli għalihom.
Hija qalet li minkejja din it-talba, dalgħodu x’ħin marret id-depot l-Avukat Camilleri, għall-interrogazzjoni ta’ Fenech, sabet ma’ wiċċha lill-Ispettur Arnaud.

Qalet li ftit wara ftit l-interrogazzjoni kompliet mal-Ispettur Kurt Zahra li huwa parti mit-tim investigazzjoni. Il-kawża għadha għaddejja.
L-avukat Victoria Buttigieg f’isem l-Avukat Ġenerali qalet li fir-rikors hemm numru ta’ allegazzjonijiet li mhux din qed tissemma’ mill-avukati tad-difiża.
L-avukat Camilleri wieġbet li fir-rikors hemm miktub li fid-daħla tal-lock up, Fenech ġie avviċinat.

L-Avukat Buttiegieg qalet li l-mandat ta’ inbizzjoni jista’ jsir biss biex twaqqaf u mhux biex tordna li jsir xi ħaġa. Irreferiet għar-risposta tal-Uffiċċju tal-AĠ fejn huma għamlu referenza għal numru ta’ sentenzi. Qalet li hawn qegħdin f’mandat kontra l-Gvern u għaldaqstant in-naħa l-oħra tkun trid turi għalfejn hemm kwistjoni ta’ sproporozzjon.

Buttigieg iddeskriviet l-investigazzjoni bħala waħda “wisq kbira” li trid issir bir-reqqa. Żiedet tgħid li ma jistax isir dak li qed titlob in-naħa l-oħra, jiġifieri tinvestiga lil dak u lill-ieħor skont ma tgħid in-naħa l-oħra.
L-investigazzjoni għadha għaddejja, hija qalet. Illum beda l-interrogatorju, b’Buttigieg tisħaq li hemm affarijiet oħra li jagħmlu parti mill-investigazzjoni.

Ma jirriżulta minn imkien li kien hemm avviċinament, hija qalet.
L-Avukat Buttigieg qalet li l-mara tal-Ispettur Keith Arnaud għaddiet minn proċess sħiħ biex ħadet xogħol mal-‘Infrastructure Malta’, u qalet li l-mara mhijiex ‘person of trust’.

“Għandna investigazzjoni li waslet lejn it-tmiem u se tiġi b’xi mod imħawra,” kompliet titrattaa l-Avukat Buttigieg fejn ikkonfermat li l-investigazzjoni kważi waslet biex tingħalaq.

L-avukat Philip Galea-Farrugia mill-uffiċċju tal-AĠ, sostna li Fenech qatt ma kellu problema mal-Ispettur Arnaud. Sostna li kien hemm tliet talbiet għall-proklama iżda dawn ma kienux favorevoli. Camilleri tintervjeni u tgħid li hemm talba għadha pendenti.

Qabel ma beda jinstema l-mandat ta’ inibizzjoni Yorgen Fenech tela’ fuq il-pedana tax-xhieda biex jixhed dwar il-mandat li huwa ppreżenta. L-Imħallef Miriam Hayman wissietu li jekk jagħti xi nformazzjoni sensittivi jew informazzjoni oħra jista’ jkun li jkun qed jinkrimina ruħu dwar dak il-każ. Qaltu li l-mandat maħluf minnu diġa fih il-bażi ta’ dak li kien qed jitlob u għalhekk kien ikun aħjar li jitkellem mal-Avukati tiegħu biex jirregola ruħu.

Hekk għamel Yorgen Fenech u qal li m’għandu xejn aktar xi jżid ma’ dak li hemm maħluf fil-mandat. Sadanittant l-Imħallef Hayman staqsiet lid-difiża u lill-Avukat minn naħa tal-Avukat Ġenerali jekk huma jaqblux li dan il-każ ikun mismugħ u rrappurtat fuq il-media, u dan minħabba d-delikezza tal-każ u li jistgħu joħorġu xi punti sensittivi.

Kien hemm qbil mill-partijiet li jekk il-każ ma kienx se jiddevja b’tali mod li jkun hemm punti jaħarqu, allura l-media tista’ tibqa’ fl-awla. Il-media tħalliet tisma’ iżda lejn l-aħħar l-awla ġiet żgumbrata bi qbil bejn il-partijiet.