Lokali

”Bil-Ministru għall-Finanzi taħt inkjesta tikber l-inċertezza” – Adrian Delia

F’Konferenzaa tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqar kif għal darb oħra jħossu dmir tiegħu li jkun mal-poplu Malti biex ifisser it-tħassib tiegħu dwar l-iżviluppi li seħħew fl-aħħar sigħat illum.

Bħalissa f’pajjiżna għandna sitwazzjoni mill aktar kritika li qed twassal għal atmosfera ta’ kaos, konfużjoni u tensjoni. Pajjiżna qed jissemma’ bil-kbir fil-midja internazzjonali għal raġunijiet hżiena bi ħsara għall-ġid ta’ pajjiżna. It-Times ta’ Londra dalgħodu sejħet lil pajjiżna “An Island of Corruption”.

Ir-reputazzjoni, li dan il-pajjiż tant tħabat sabiex bena, qed tinħatt u tisfa’ fix-xejn f’qasir żmien. Dak li ftit tal-ġranet ilu qalilna d-Deputat Prim Minsitru Chris Fearne li l-ħsara għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna dalwaqt se tkun irreparabbli, issa b’dak kollu li ġara fl-aħħar sigħat qed narawha isseħħ quddiem għajnejna. Dan qed joħloq sens kbir ta’ inċertezza f’pajjiżna, u fost il-ħaddiema u l-investituri Maltin u barranin. 

Dalgħodu s-sitwazzjoni kompliet taggrava. Il-Qorti poġġiet taħt inkjesta Maġisterjali lil Ministru Edward Scicluna u lil issa, l-eks Ministri Chris Cardona u Konrad Mizzi.

Dalgħodu l-Qorti permezz tal-Imħallef Edwina Grima kkonfermat l-inkjesta Maġisterjali għar-riċerka tal-verità u biex jinġabru u jiġu ppreservati l-provi kollha “li jistgħu jistabbilixxu jekk verament seħħx xi reat” u fil-każ jistgħux jiġu identifikati “persuni li għandhom jiġu investigati ulterjorment mill-Pulizija Eżekuttiva jew inkella li għandhom jiġu mixlija bil-kummissjoni ta’ reat.” L-inkjesta Maġisterjali se tistħarreġ il-fatti “rigward in-negozjati li seħħew għall-privatizzazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi u li tara jekk in-nies kollha li kienu involuti f’dawn in-negozjati setgħux ikkommettew xi ksur tal-liġi fil-kors tal-istess negozjati.”

L-inkjesta Maġisterjali biex tinvestiga lill-Ministru Edward Scicluna u lill-eks Ministri Chris Cardona u Konrad Mizzi ġiet mitluba mill-għaqda Repubblika biex issir investigazzjoni kriminali in konnessjoni ma’ korruzzjoni u tixħim, ħasil tal-flus u abbużi oħrajn fir-rigward tan-negozjati dwar il-privatizzazzjoni ta’ sptarijiet pubbliċi.

Din hija t-tielet darba li l-Qorti ddeċidiet favur li ssir din l-inkjesta Maġisterjali, minkejja r-reżistenza tat-tliet Ministri.