Lokali

“Ninsabu fi kriżi Nazzjonali – Meħtieġa miżuri immedjati” – MEA

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem għamlu talba lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali sabiex jissospendu l-aġenda normali tagħhom.

Fi stqarrija huma sejħu laqgħa urġenti sabiex tiġi diskussa din il-kriżi morali, reputazzjonali u politika li qed tifni lil Malta bil-possibilità ta’ konsegwenzi ħorox fuq pajjiżna.

L-Assoċjazzjoni insistiet fuq il-baraxx ta’ avvenimenti li kkaratterizzaw l-aħħar jiem, inkluż il-fatt li żewġ ex-Ministri issa qed iħabtu wiċċhom ma’ inkjesta kriminali jaf ikollhom konsegwenzi serji fuq is-soċjetà Maltija.

Ġie spjegat li apparti l-implikazzjoni negattiva fuq l-ekonomija – is-sitwazzjoni preżenti jaf ikollha mpatt fuq l-investimenti u l-impjiegi ta’ pajjiżna. Tennew li t-tensjoni politika ppolarizzat lil Maltin u xeħtet lill-pajjiż f’inċertezza konkreta.

L-Assoċjazzjoni appellat sabiex tinkiseb in-normalità ankè jekk dan ifisser li jittieħdu deċiżjonijiet ferm diffiċli sabiex tinkiseb ġustizzja. Insistew li l-interessi partiġġjani u individwali jridu jingħataw ‘il genb u jitħarsu biss l-interessi nazzjonali.

Dan filwaqt li saħqu li l-fatt li ġurnalisti kemm lokali kif ukoll internazzjonali ġew maqfula f’kamra f’Kastilja b’irġiel mqabbda min-nies qrib Joseph Muscat huwa kundannabbli – aġir li jniżżel ‘l isfel ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ pajjiżna.

Finalment sostnew li l-kontradizzjonijiet, l-kunflitt ta’ interess u nuqqas ta’ trasparenza huma infiniti u żiedu l-inċertezza li ilha tinġemgħa tul dawn l-aħħar xhur.

Is-sensazzjoni, kompliet l-MEA, hija li l-komunità kummerċjali kif ukoll il-pubbliku ġenerali qed jitilfu l-kunfidenza fil-klassi politika. Din in-nuqqas ta’ fiduċja hija ta’ periklu kbir u huwa imperattiv għall-membri parlamentari sabiex jimxu ta’ eżempju għas-soċjetà sabiex tintlaħaq l-għaqda bejn il-Maltin.