Lokali

Persuni mhux identifikati jsakkru lill-ġurnalisti f’Kastilja

Grupp ta’ persuni li ma identifikawx ruħhom sakkru lill-ġurnalisti fil-kamra fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat ftit tal-ħin ilu ta dikjarazzjoni b’mod dirett.

Fost dawk li spiċċaw imsakkra fuq ġewwa, minn persuni li jidher li huma uffiċjali tas-sigurta tal-Partit Laburista, kien hemm ġurnalisti barranin fosthom tar-Reuters, il-BBC u ġurnalisti mill-Italja u l-Ġermanja li kienu qed jiffilmjaw dak kollu li kien qed iseħħ.

Ripetutament, il-ġurnalisti talbu lil dawn il-persuni biex jidentifikaw ruħhom, iżda dawn ma tkellmux.

Dan sakemm il-ġurnalisti tkeċċew ‘il barra meta lmentaw, fost oħrajn mill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru, Nigel Vella.

Jidher li l-mossa ma kienet xejn għajr mossa mill-uffiċjali ta’ Kastilja biex ma jħallux lill-ġurnalisti jaċċessaw lill-Prim Ministru u d-Deputati tal-Gvern u dawn ikunu jistgħu jitilqu minn Kastilja mingħajr ma jiġu mistoqsija xejn.