L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin issieħeb ma’ numru ta’ ġurnalisti fi Protest Ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru, Joseph Muscat, u l-Avukat Ġenerali, Peter Grech. Dan wara l-mod xokkanti kif matul il-lejl bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa ġurnalisti Maltin u barranin ġew imbarrati għal xi ħin fis-Sala tal-Ambaxxaturi ta’ Kastilja kif intemmet il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru wara laqgħa twila tal-Kabinett.
Ġiet informata ukoll il-Federazzjoni Internazzjonali u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti li appoġġjaw ħidmet l-IĠM f’dan ir-rigward. Fl-istess ħin, l-Istitut kiteb uffiċjalment lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, fejn talbu jippronunzja ruħu jekk dan l-aġir tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru hux konformi ma’ standards pubbliċi f’pajjiż demokratiku.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, permezz ta’ protesta, ipprotesta bil-qawwa kollha kontra dak li seħħ, tant li l-Prim Ministru Joseph Muscat wara d-dikjarazzjoni ħa numru limitat ta’ domandi u ma tax ċans lill-ġurnalisti li riedu jagħmlu d-domandi tagħhom. Dan fih innifsu hu nuqqas kbir fil-konfront tal-ġurnalisti li marru jaqdu dmirhom anke f’ħinijiet mhux tas-soltu.
Meta ntemmet il-konferenza tal-Prim Ministru, fis-sala dehru numru ta’ persuni li la huma uffiċjali tas-sigurtà u anqas impjegati f’Kastilja li filwaqt li rrifjutaw li jidentifikaw lilhom infushom, żammew lill-ġurnalisti milli joħorġu u jirritornaw lejn l-uffiċċji tagħhom, minkejja l-ħafna protesti.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jinsisti li dan hu aġir illegali, fejn numru ta’ ġurnalisti nżammew kontra l-volontà tagħhom milli joħorġu minn Kastilja wara li ntemmet ilkonferenza u tħallew jagħmlu dan biss wara li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru dehrlu li dawn setgħu jitħallew joħorġu. L-istqarrija tisħaq li aġir bħal dan hu għal kollox inaċċettabli u ma jagħmilx ġieħ lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kien hu li sejjaħ il-konferenza tal-aħbarijiet.
Għalhekk filwaqt li juri solidarjetà sħiħa mal-ġurnalisti Maltin u barranin li kienu qed jaqdu dmirhom u kienu suġġetti għal dan l-abbuż, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin talab assikurazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li affarijiet bħal dawn ma jkunux ripetuti.
L-Istitut tal-Ġurnalisti temm juri s-solidarjetà tiegħu ma’ ġurnalisti li rrapurtaw li kienu mhedda permezz ta’ Facebook u jappella biex l-awtoritajiet jieħdu l-passi meħtieġa kontra dan l-abbuż. L-appell tal-Istitut lill-pubbliku huwa li jintwera r-rispett dovut lill-ġurnalisti li f’dawn il-jiem diffiċli għall-pajjiż kollu qed jibqgħu jaqdu dmirhom għal ħinijiet twal biex iwasslulhom l-aħħar aħbarijiet dwar affarijiet li jolqtu lil kulħadd.
//= $special ?>