Internazzjonali

Renju Unit: Il-Pulizija joqtlu lill-aggressur waqt inċident  terroristiku qrib London Bridge

Ritratt: Sky News

Iz-zoni fiċ-ċentru ta’ Londra għaddew minn sigħat ta’ kaos u paniku wara li numru ta’ nies spiċċaw attakkati u feruti minn raġel armat b’sikkina fil-viċinanzi ta’ London Bridge. L-aggressur responsabbli mill-inċident, wara, inqatel mit-tiri sparati mill-pulizija, bl-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw l-inċident bħala wieħed relatat mat-terroriżmu.

L-aħħar rapporti indikaw li r-raġel suspettat, li miet fuq il-post tal-inċident, kien liebes dak li deher bħala tagħmir bl-splussivi u li, wara, kien ikkonfermat bħala finta.

Dan wara li il-pulizija wieġbu minnufih għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza qrib London Bridge, bl-istazzjon fiz-zona jingħalaq għall-pubbliku u bis-servizzi għall-ferroviji jieqfu għal żmien fost it-tensjoni.

Ir-rapporti mix-xena, wara, irreferew għal ġlieda fuq naħa tal-pont li kienet tinvolvi lil diversi rġiel u bil-pulizija  tintervjeni u tispara tiri lejn raġel partikulari li kien indikat bħala l-aggressur fl-inċident. Wara, kien ikkonfermat li r-raġel inkwistjoni spiċċa maqtul, bid-dettalji dwar il-każ għadhom qed joħorġu.

L-inċident qrib London Bridge irriżulta f’kaos kbir, bin-nies jiġru f’diversi direzzjonijiet u bil-pulizija jgħajjtu biex in-nies jibqgħu għaddejjin u ma jieqfux fl-inħawi. Maż-żmien bdew jaslu aktar membri tas-servizzi għall-emerġenza, bl-istabbilimenti kummerċjali, flimkien mal-istaff u l-pazjenti ta’ Guy’s and Thomas Hospital,  jispiċċaw taħt lockdown fl-interessi tas-sigurtà.

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, li qed ikun aġġornat bl-iżviluppi, ħareġ messaġġ ta’ ringrazzjament lill-pulizija u s-servizzi għall-emerġenzi għall-interventi tagħhom biex is-sitwazzjoni tinġieb taħt kontroll.