Lokali

Tweġiba skont il-Liġi tal-Istampa mill-Avukat ta’ Manuel Delia

Fi stqarrija bi tweġiba skont il-Liġi tal-Istampa, l-Avukat Andrew Borg-Cardona f’isem Manuel Delia, irrefera għall-artiklu bit-titlu “Il-PN … il-blogger Manwel Delia imgiddeb”, li ġie ppublikat f’diversi media kkontrollati mill-Partit Nazzjonalista.

Manuel Delia stqarr li hu qatt ma kiteb li l-Membri Parlamentari Nazzjonalisti vvutaw favur il-legalizzazzjoni tal-kannabis f’xi forma jew oħra, jew li l-Partit Nazzjonalista hu favur il-legalizzazzjoni.

Barra minhekk, tenna Manuel Delia, kulma kien irrappurtat hu li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien qata’ fil-qasir id-diskussjoni fil-Grupp Parlamentari u li ma kienx stqarr li kellu konnessjoni familjari u mod ieħor ma’ nies interessati fil-kultivazzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali.

Fil-fehma ta’ Manuel Delia, dan il-pass messu ttieħed mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, b’turija ta’ rispett għall-prinċipji ta’ governanza xierqa.