Lokali

Yorgen Fenech jilmenta dwar il-kundizzjonijiet fuq il-ħelsien mill-arrest

Pemezz tal-Avukati tiegħu Yorgen Fenech, li qed jiġi mplikat fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, għamel ilment fil-Qorti tal-Maġistrati dwar il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu.

L-ilment tiegħu kien jgħid li l-mod kif kien qed jiġi trattat mill-Pulizija ma kienx wieħed normali u skont fil-liġi. Tenna permezz tal-Avukati tiegħu Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran, li wara li jgħaddi ż-żmien ta’ 48 siegħa arrestat kienu qed jitilquh u wara biss 10 sigħat jerġa’ jiġi arrestat.

Il-każ kien ippreżentat quddiem il-Maġistrat Victor Axiak fejn ingħad mid-difiża li għal diversi drabi huwa kien jingħata l-‘police bail’ u ftit wara jerġa’ jiġi arrestat, bil-liġi tgħid li għandu jkun hemm perjodu effettiv waqt il-ħelsien tiegħu.

Waqt il-każ kien qed jinstema’ l-Qorti riedet lil Yorgen Fenech biex ikun preżenti fl-awla peress li dan kien assenti. Il-Maġistrat kien infurmat li Fenech kien telaq wara l-każ li kellu fil-mandat ta’ inibizzjoni li huwa ppreżenta aktar kmieni wara nofs inhar, bil-Qorti tgħid li hija kienet se tagħti siegħa ċans biex Yorgen Fenech imur il-Qorti ħalli jkun preżenti fl-ilment li għamel.

L-ilment twaqqa’ mill-avukati tiegħu minħabba li qalu li kien se jkun ta’ periklu għall-klijent tagħhom li jidħol il-Belt minħabba li kien hemm dimostrazzjoni mis-soċjetà ċivili u kien aħjar li l-każ jaqa’.