Lokali

Appell mill-MHRA għan-normalità

Il-President tal-MHRA Tony Zahra ddikjara li pajjiżna għandu bżonn jirritorna għan-normalità u nassiguraw li r-rule of law f’Malta tirbaħ mill-ġdid.

Tony Zahra kien qed jitkellem waqt seminar tal-MHRA fejn irrefera għas-sitwazzjoni politika delikata li għaddej minnu pajjiżna.

Sadattant, fl-istess seminar kien ippreżentat studju kkummissjonat mill-MHRA dwar it-turisti li żaru Malta matul it-tielet kwart ta’ din is-sena.

L-istudju jikkonferma li f’dan il-perjodu, it-turisti qattgħu inqas iljieli f’pajjiżna meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

Dan jorbot ma’ statistika tal-NSO li kkonfermat li l-ammont ta’ ġranet li t-turisti qattgħu f’pajjiżna naqas b’2.5% meta kkumparat mal-istess żmien tas-sena l-oħra.

Anke l-lukandi ħassew dan, bl-istudju tal-MHRA juri li kien hemm tnaqqis ta’ 1.5% fl-iljieli li t-turisti qattgħu fil-lukandi. Għall-kuntrarju, komplew igawdu l-akkomodazzjonijiet privati, tant li dawn raw żieda ta’ 10.7% fl-iljieli li t-turisti qattgħu fihom.

L-istess studju jikkonferma li dan iż-żmien hu l-iktar perjodu bieżel għat-turiżmu f’pajjiżna. Tant hu hekk li l-wasliet tat-turisti fit-tielet kwart tal-2019 ammontaw għal 43% tal-wasliet matul is-sena.

Jekk wieħed iħares lejn minn fejn ġew it-turisti, l-Ingilterra u l-Italja baqgħu l-iktar swieq popolari għal Malta. Madanakollu, Spanja u l-Irlanda urew żieda sostanzjali ta’ 21.5% u 26% rispettivament.