Futbol Sport

Balzan jikkontrollaw u jirbħu faċilment … Pietà jeliminaw lil Mqabba

Rapport: Luke Micallef

BALZAN…………………. 3

SAN ĠWANN………….. 0

Balzan: K. Naumovski, M. Grima (A. Bradshaw 66’), D. Camilleri, N. Sljivic, Z. Grech, M. Johnson, A. Effiong, I. Bozovic, S. Dimic (A. Faria Machado 59’), R. Correa Duarte, A. Majdevac (Z. Grech 76’)

San Ġwann: C. Formosa, N. Abouhaisa (M. Xuereb 70’), J. P. Attard, L. Mallia (A. Zammit 76’), C. Gauci, O. Spiteri, Z. Bowman, J. Omoruanzoje (A. Abela 64’), J. P. Vargas, G. Pace, A. Falzon

Skorjaw: M. Johnson 28’, A. Majdevac 45’, A. Effiong 58’ (B)

Referee: Daniel Portelli

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Ivan Galea

F’logħba pjuttost kwieta, bi ftit azzjonijiet perikolużi, it-tim tal-Kampjonat Premier Balzan għeleb lit-tim tat-Tieni Diviżjoni San Ġwann bl-iskor ta’ 3-0. Balzan kienu ġejjin minn serje negattiva fil-Premier hekk kif rebħu biss logħba mill-aħħar erbgħa. Fit-Tieni rawnd tal-F.A. Trophy, San Ġwann għelbu lil Marsa bl-iskor ta’ 2-0.

Kif mistenni, it-tim Balzani ħareġ aktar b’saħħtu, b’ħafna mil-logħob ikun viċin il-lasti ta’ San Ġwann. Madanakollu t-tim minn San Ġwann irnexxielu jagħlaq sew il-logħob tal-avversarji. Kellhom jgħaddu 28 minuta sabiex Balzan wettqu l-ewwel azzjoni perikoluża, li wasslet ukoll għall-ewwel gowl tal-partita.

Minn free-kick ta’ Ricardo Correa Duarte, MICHAEL JOHNSON daħal bir-ras u tefa’ lil Balzan minn fuq. Balzan irdoppjaw l-iskor eżattament qabel it-tifsira tal-ewwel taqsima. Bi ftit konfużjoni quddiem il-lasti ta’ San Ġwann, il-ballun ġie f’saqajn ANDRIJA MAJDEVAC li b’xutt b’saħħtu faċilment tefa’ wara Cain Formosa.

Fil-58 minuta minn korner ta’ Marcus Grima, ALFRED EFFIONG tefa’ fix-xibka għat-tielet gowl ta’ Balzan. Fit-68 minuta Faria Machado qassam il-ballun lil Majdevac, bil-gowlkiper Formosa jkun attent u xellef il-ballun biex mar f’korner.

Reġa’ kien l-istess Faria Machado li ra x-xutt tiegħu jiġi milqugħ faċilment mill-gowlkiper ta’ San Ġwann. Fil-81 minuta minn free-kick, Faria Machado ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra. Fid-90 minuta, Sljivic ra x-xutt tiegħu jiġi salvat għal darb’oħra minn Formosa.

Żewġ penalties iwittu t-triq għal kwalifikazzjoni faċli

MQABBA …………………………… 0

PIETÀ HOTSPURS ……………… 3

Mqabba: F. Tabone, E. Zammit (K. Camilleri 62’), Y. Omuro, I. Margarit (D. Carabott 43’), A. Ferreira, K. Magro (F. Zammit 62’), J. Micallef, P. Chimezie, A. Makela, N. Micallef, M. Caruana

Pietà: J. Chircop, T. Bartolo (D. Vukovic 73’), N. Pace Cocks, J. Bone (J. Delmar 59’), C. Gauci (S. Pisani 65’), K. Mifsud, J.L. Caetano, S. Mizzi, L. Mckay, I. Jalo, J. Scicluna

Referee: Mario Apap

Żewġ penalties u karta ħamra lejn tmiem l-ewwel taqsima wittew it-triq lejn kwalifikazzjoni faċli għal Pietà kontra Mqabba f’konfront bejn żewġ timijiet mill-Ewwel Diviżjoni. Sal-azzjoni tal-ewwel penalty Mqabba kienu xi ftit aħjar mill-avversarji, iżda l-penalties u t-tkeċċija kienu fatali għal Mqabba.  

Mqabba kienu bla dubju aħjar fl-ewwel fażi tal-logħba b’diversi tentattivi lejn il-lasta avversarja fejn l-iktar li mar qrib kien Ion Alin Margarit li ra x-xutt tiegħu jgħaddi jħakkek ma’ sieq il-lasta. Kważi kontra x-xejra tal-logħob kienu Pieta li marru fil-vantaġġ fis-37 minuta meta minn azzjoni ta’ korner il-ballun ħabat ma’ id Ferreira u mill-11-il metru kien LUCAS CAETANO li skorja b’xutt preċiż fil-baxx.

Sitt minuti wara kontrattakk ta’ Pieta fejn Bone żmarka lil Caetano li kellu l-ewwel xutt salvat minn Tabone, bil-ballun jerġa’ jasal għand Caetano li qabeż lill-gowlkiper iżda kien imwaqqa’ minn Tabone, bir-referee jordna t-tieni penalty u jkeċċi lill-gowlkiper. Mill-11-il metru reġa’ kien CAETANO li għeleb lis-sostitut Duane Carabott biex irdoppja għal Pietà.

Fil-bidu tat-tieni taqsima ċans tad-deheb li Mqabba jidħlu mill-ġdid fil-logħba iżda Ferreira xeħet ferm għoli minn qagħda ideali. Pietà komplew jikkastigaw lill-avversarji fit-58 minuta meta JAMES SCICLUNA b’xutt fil-baxx għeleb lil Carabott. Il-kumplament tal-logħba kien mingħajr wisq storja bi Pietà jikkontrollaw aġevolment u Mqabba rassenjati.